Kważi kwart ta’ miljun ewro biex jitwettqu 39 proġett fil-komunitajiet

Aqra wkoll

Tqassmu l-ittri ta’ impenn lill-għaqdiet volontarji li se jibbenefikaw minn €236,948.44 f’finanzjament permezz tal-Iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi għas-sena 2026. Dawn il-fondi se jwasslu biex fix-xhur li ġejjin jitwettqu 39 proġett li jsaħħu l-inklużjoni, il-volontarjat u l-parteċipazzjoni fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

Il-proġetti magħżula jkopru firxa wiesgħa ta’ setturi, fosthom id-diżabilità u l-aċċessibbiltà, l-isport, is-saħħa u l-benesseri, iż-żgħażagħ, l-anzjanità attiva, il-kultura, il-mużika, il-wirt tradizzjonali, l-edukazzjoni, is-sigurtà u l-ħarsien tal-ambjent.

L-ittri ta’ impenn ġew preżentati mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Stephanie Rocco.

Fost il-proġetti li se jingħataw il-ħajja hemm programm tad-Down Syndrome Association Malta li juża l-għawm u l-qari biex isaħħaħ il-ħiliet tal-ħajja, il-ħolqien ta’ spazji siguri għall-persuni bl-awtiżmu mill-Inspire Foundation u gym komunitarju aċċessibbli mill-Birżebbuġa Sports Foundation.

Il-Malta Rescue Corps f’Għawdex se twettaq inizjattiva dwar l-ewwel għajnuna u l-ħiliet f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, filwaqt li d-Duke of Edinburgh International Award Malta Foundation se toħloq opportunitajiet ta’ volontarjat aktar aċċessibbli għaż-żgħażagħ.

Proġetti oħra jinkludu attivitajiet assistiti miż-żwiemel għall-benesseri u l-inklużjoni ambjentali, esperjenzi ta’ tagħlim fin-natura u t-tbaħħir għaż-żgħażagħ, sessjonijiet sensorjali u inizjattivi ta’ tixbit aċċessibbli għal persuni b’abbiltajiet differenti.

L-iskema se tappoġġja wkoll il-mixi bil-futbol għal anzjanità aktar attiva u inklussiva, proġetti li jgħaqqdu l-ġenerazzjonijiet, u diversi inizjattivi ta’ aċċessibbiltà fi spazji komunitarji, fosthom faċilitajiet sanitarji aċċessibbli, bibien awtomatiċi u tħejjijiet għal lift. Għaqdiet kulturali u mużikali se jibbenefikaw ukoll minn fondi biex jippreservaw il-wirt lokali, isaħħu l-infrastruttura tagħhom u jiftħu l-attivitajiet tagħhom għal parteċipazzjoni usa’.

L-applikazzjonijiet kollha għaddew minn proċess rigoruż ta’ evalwazzjoni. Kull proposta ġiet eżaminata fid-dettall abbażi tal-eliġibbiltà, ir-rilevanza tagħha mal-għanijiet tal-iskema, il-kapaċità finanzjarja u operattiva tal-għaqda, is-sostenibbiltà tal-proġett u l-involviment dirett tal-benefiċjarji. Ġew analizzati wkoll il-baġits u l-kwotazzjonijiet sottomessi biex ikun assigurat li l-fondi pubbliċi jiġu allokati b’mod trasparenti u skont il-prinċipju tal-aħjar valur għall-flus. Kull proġett seta’ jingħata sa massimu ta’ €10,000.

Il-proġetti għandhom jitwettqu fuq perjodu massimu ta’ sena, bejn l-1 ta’ Settembru 2026 u l-31 ta’ Awwissu 2027.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “dan l-investiment ta’ kważi kwart ta’ miljun ewro mhuwiex biss finanzjament għal 39 proġett, iżda investiment dirett fin-nies u fil-komunitajiet tagħna. Qed nagħtu lill-għaqdiet volontarji l-għodda biex ideat tajbin jinbidlu f’azzjonijiet konkreti li jtejbu l-ħajja tan-nies. Kull proġett se joħloq opportunitajiet ġodda ta’ parteċipazzjoni u se jkompli jqarreb lejn xulxin persuni ta’ etajiet u abbiltajiet differenti. Hekk nibnu komunitajiet aktar b’saħħithom, aċċessibbli u inklussivi, fejn ħadd ma jitħalla barra.”

L-Iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi għandha żewġ għanijiet ewlenin: li tippromwovi l-volontarjat fil-komunitajiet lokali u li trawwem kultura ta’ inklużjoni. Il-proġetti eliġibbli riedu jkunu marbuta mal-Istrateġija Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità jew mal-Istrateġija Nazzjonali tal-Volontarjat.

Din hija t-tielet sena konsekuttiva li qed titħaddem din l-iskema, b’investiment li kompla jiżdied minn sena għall-oħra. Fl-2024 ġew allokati €148,256.60, segwiti minn €192,870.70 fl-2025 u €236,948.44 fl-2026. B’hekk, fuq medda ta’ tliet snin, permezz ta’ din l-iskema ġew investiti total ta’ €578,075.74 favur inizjattivi li jsaħħu l-inklużjoni u l-volontarjat fil-komunitajiet.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport