Sunday, December 22, 2024

Fil-jum tal-qtil, il-vittma rċieva numru ta’ telefonati mingħand wieħed mill-akkużati

Aqra wkoll

Fit-tieni jum tal-ġuri ta’ Ismael Habesh u Faical Mahouachi li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Simon Grech, uffiċjal tal-Pulizija xehed li waqt l-interrogazzjoni qal li dak il-lejl li fih seħħ l-omiċidju, Grech kellu xi dmija ma’ jdejh u qallu li kien involut f’argument.

L-uffiċjal kompla jixhed illi mill-investigazzjoni rriżulta wkoll li persuna li kienet tiffrekwenta l-inħawi tal-Marsa qalet li dakinhar tal-omiċidju ltaqgħet ma’ Grech u qalilha li kien ġie aggredit minn persuna wara li pprova jisraqlu l-mowbajl. L-istess persuna, qalet li Grech kien liebes flokk imqatta’, bra iswed, u żarbun bit-takkuna. Qalet li l-vittma kienet tbiddel il-ħwejjeġ qabel tibda tipprostitwixxi ruħha. Ingħad li fl-istess iinħawi nstabu xi ħwejjeġ tal-vittma f’borża tal-plastik.

L-istess investigazzjoni wasslet biex fis-6 t’April, 2005, l-għada tad-delitt, instab li mil-linja tal-mowbajl ta’ persuna oħra saru numru ta’ telefonati lil Grech. L-istess persuna qalet ukoll li dakinhar kien mar għandu Habesh u talbu l-mowbajl biex iċempel lil xi ħadd. Irriżulta li Habesh ried il-mowbajl biex iċempel lil Grech.

L-istess xhud qal li baqgħet għaddejja tfittxija fiż-żona u kien fit-13 t’April, 2005, illi l-Pulizija sabu għalqa b’ħaxix għoli fejn hemmhekk innutaw li parti mill-ħaxix kien mirfus u sabu wkoll żarbun abjad tan-nisa. Kompla jgħid li hu u dieħel fl-għalqa ra l-katavru fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni.

Xhud ieħor, li dak iż-żmien kien għadu kuntistabbli, qal li dakinhar tas-sejba tal-katavru saret l-awtopsja u anki ġie kkonfermat li l-katavru kien ta’ Grech. Sussegwentement il-Pulizija bagħtu għal Habesh biex jinvestigawh dwar dan l-omiċidju volontarju.

Ix-xhud qal ukoll li persuna bil-kunjom ta’ Bugrara qal illi Habesh kien staqsieh jekk minn fuq katavru antik tistax tittella’ xi evidenza. Kien hawnhekk li l-Pulizija bagħtet għall-mara ta’ Habesh u lill-Pulizija qaltilhom li dakinhar tad-delitt hi u żewġha raqdu fi kmamar differenti u għalhekk ma kinitx ċerta jekk reġax ħareġ mal-lejl jew le.

Il-ġuri se jkompli għada.

Ekonomija

Sport