Tuesday, April 30, 2024

Fil-Messiku 57 student sfaw ivvelenati b’mod misterjuż

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 57 student sfaw ivvelenati b’sustanza mhix magħrufa ġewwa skola sekondarja fiż-żona rurali ta’ Bochil fl-istat ta’ Chiapas ġewwa l-Messiku. Dan kien it-tielet każ ta’ vvelenar ta’ studenti ġewwa Chiapas f’dawn l-aħħar ġimagħtejn, każ li qajjem rabja u tħassib kemm mill-istudenti u anke l-ġenituri. 

L-Istitut tas-Sigurtà Soċjali tal-Mes­siku qal li nhar il-Ġimgħa li għaddiet 57 student ta’ età żagħżugħa ddaħħlu l-isptar minħabba li kienu qed juru sintomi ta’ vvelenar. L-uffiċjali żiedu jgħidu li minn dawn student wieħed jinsab f’kundizzjoni delikata u kellu jiġi trasferit lejn sptar ikbar filwaqt li l-oħrajn jinsabu f’qagħda stabbli. 

Min-naħa tagħhom l-awtoritajiet baqgħu lura milli jispekulaw dwar x’wassal għal dan l-ivvelenar, iżda l-midja tal-lokal u anke l-ġenituri qed jallegaw li l-istudenti kienu esposti għal ikel jew ilma kkontaminat. Is-sindku ta’ Bochil meta tkellem dwar dan il-każ qal li huwa rrabjat ferm b’dak li ġara filwaqt li qal li hu qiegħed jikkollabora bis-sħiħ mal-prosekutur tal-istat f’investigazzjoni li qiegħda ssir. 

L-uffiċċju tal-prosekutur tal-istat permezz ta’ stqarrija fuq il-midja soċjali kkjarifika li dawn l-istudenti sarulhom 15-il test tossikoloġiku għal drogi illegali u kollha rriżultaw fin-negattiv. Dan seħħ wara li fil-midja bdew jiċċirkolaw rapporti li kienu qed jallegaw li l-istudenti kienu rriżultaw pożittiv għad-droga kokaina.

Sport