Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol minn dejjem kienet hemm hekk kif ta’ erba’ snin bdejt nattendi in-nursery tal-Marsa FC.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek sa issa ma’ Marsa FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Marsa FC hija ħolma li saret realtá. Li tilgħab ghat-tim ta’ pajjiżek hi xi ħaga li naħseb kulħadd ikun jixtieq.
X’responsabbiltà tħoss li int proprju l-captain ta’ dan it-tim?
Ir-rwol tiegħi bħala captain tat-tim tal-Marsa jġib miegħu responsabbiltá kbira. Responsabbiltá li ngħożż għaliex Marsa huwa l-klabb ta’ pajjiżi. L-ikbar responsabbiltá hija li nieħu ħsieb li l-ambjent tat-tim dejjem ikun wieħed tajjeb.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Naħseb li s’issa kellna staġun pożittiv ħafna kif ukoll prestazzjonijiet tajbin ħafna. Sa issa dejjem okkupajna l-ewwel tliet postijiet tal-klassifika, ovvjament se nibqgħu naħdmu biex dan inżommuh u anke ntejbuh.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tragward tagħna għal dan l-istaġun hu li nispiċċaw fl-aħjar post possibli . Is-sena l-oħra spiċċajna fit-tielet post u dis-sena se nimmiraw għall-post aħjar u nkunu sgidanti għall-post fil-Malta Premier.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Saviour Debono Grech?
Il-kowċ Saviour Debono Grech hu kowċ li għandu esperjenza vasta li għandna ħafna x’nitgħallmu minnu kif fil-fatt qegħdin nagħmlu u qed imexxina biex inkunu fl-aqwa forma tagħna.
U fuq il-president, Joseph Xuereb?
Il-president Joseph Xuereb huwa persuna dedikata ħafna u ffukat fuq il-klabb, u jagħti l-ħin kollu possibli tiegħu biex jara l-klabb jirnexxi u jimxi b’mod professjonali. Hu ragel tal-kelma u dejjem żamm kellmtu kull darba li morna nitkellmu miegħu.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Jien ili nilgħab f’livell ta’ klabb għal dawn l-aħħar għaxar snin u l-livell qiegħed jogħla kontinwament kemm dak tal-Malta Premier u iktar tal-BOV Challenge League. Dan peressli qegħdin jinżlu ħafna plejers Maltin li mhux qed isibu posthom fil-Malta Premier minħabba n-numru ta’ plejers barranin.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?
Aħna bhala klabb nitħarrġu fil-grawnd ta’ Santa Venera u nilagħbu fil-grawnds tas-Centenary u l-Victor Tedesco li din is-sena irranġaw ħafna speċjalment il-pitch tal-Hamrun li sarlu t-turf mill-ġdid. Sar ħafna investiment fejn jidħlu riżorsi u faċillitajiet, imma għad baqa’ ħafna xi jsir.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Fil-mument, il-ħolma tiegħi hija li nilgħab fil-Malta Premier mat-tim ta’ pajjiżi – il-Marsa. Ovvjament nixtieq li nkompli nikber fil-karriera tiegħi kif ukoll inkunu parti minn timijiet kompettitivi biex inkompli nikseb suċċessi mat-timijiet kif ukoll individwali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol, kif ukoll ieħor lill-partitarji kollha ta’ Marsa FC.
Il-futbol huwa sport sabiħ ħafna li jagħtik ħafna sodisfazzjon imma trid tkun dedikat ħafna u lest lj tagħmel kull sagrifiċċju possibli biex tasal fejn tixtieq int.
Lill-partitarji tal-Marsa nixtieq ngħidilhom biex jibqgħu ikunu wara t-tim kif dejjem kienu sa issa f’kull logħba li kellna kif ukoll biex jibqgħu jissapportjaw lit-tim sal-ahhar ħalli l-ħolma ta’ kull Marsi biex nitilgħu fil-Malta Premier wara ħafna stennija, tasal ukoll bikom warajna!