Ta’ kuljum eluf ta’ studenti fir-Renju Unit qegħdin jitilfu l-iskola minħabba li jkunu ġew issospenduti. Is-snin tal-2021 u l-2022 juru li madwar 3,000 tifel u tifla ta’ kuljum kienu qed jitilfu l-lezzjonijiet minħabba sospenzjoni.
Din l-informazzjoni ħarġet minn dejta maħruġa mid-Dipartiment għall-Edukazzjoni fir-Renju Unit. L-istess ċifri juru li l-ammont ta’ studenti li qed jiġu ssospenduti mill-iskejjel qed jiżdiedu b’ritmu mgħaġġel. Dan minħabba li qabel il-pandemija jiġifieri fl-2018 u fl-2019, b’kollox kienikun hemm madwar 2,300 tifel u tifla li jitilfu t-tagħlim ta’ kuljum minħabba sospenzjoni.
Mill-istess dejta ħareġ ukoll li aktar minn nofs is-sospensjonijiet, kienu ta’ tfal li qed jgħixu fil-faqar. Meta mqabbel mas-sospensjonijiet ta’ qabel il-pandemija, in-numru ta’ tfal li jgħixu fil-faqar fil-pajjiż u li qegħdin ta’ kuljum jitilfu t-tagħlim żdied b’75%. Dan filwaqt li tfal li ma jgħixux fil-faqar, kellhom żieda ta’ 4% biss.