Wednesday, July 24, 2024

Firdiet u qasmiet fil-Lemin Estrem Ewropew

Aqra wkoll

Meta fadal biss ġimgħtejn għall-elezzjoniijiet tal-parlament ewropew, il-partiti tal-lemin estrem u dawk nazzjonalisti fl-Ewropa huma maqsumin u mifrudin bejniethom. Dawn il-partiti huma miġburin fil-grupp Identità u Demokrazija, li jiġbor flimkien ir-Rally Nazzjonali ta’ Franza, Alternattiva għall-Ġrmanja, il-Partit tal-Ħelsien tal-Awstrija, il-Vlaams Belang tal-Belġju, u l-Lega Nord tal-Italja, fost oħrajn.

Fost dawn il-partiti jeżistu tensjonijiet partikularment bejn il-partiti Franċiżi u Ġrmaniżi, tant li Marine Le Pen, il-mexxej tal-lemin estrem Franċiż, diġa ftit jiem ilu ddikjarat li l-partit tagħha Rally Nazzjonali jeħtieġ li mhux biss jitbiegħed imma jwaqqaf u jaqta għal kollox ir-rabtiet minn mal-partit Alternattiva Ġrmaniża għall-Ġrmanja (AfD).
Imbagħad hemm il-grupp tal-Konservattivi u r-Riformisti Ewropej, li huwa meqjus fi Brussell bħala aktar mainstream. Dan jinkludi, taħlita diversa ta’ partiti, bħall-Brothers of Italy ta’ Giorgia Meloni, il-konservattivi Law & Justice tal-Polonja, il-Vox tal-lemin estrem ta’ Spanja u l-Partit Ċviku Demokratiku tal-Prim Ministru Ċk Petr Fiala.

Il-partit Fidesz ta’ Viktor Orbán bħalissa mhu membru ta’ ebda grupp, iżda aktarx li se jipprova formalment jingħaqad mal-ECR wara l-elezzjonijiet.
Il-firdiet komplew ħarġu fil-beraħ meta f’intervista fuq ir-radju, Le Pen akkużat lill-AfD li huwa partit bla tmun u li huwa f’idejn elementi radikali fi ħdanu. Fl-istess intervista waslet biex akkużat ukoll li l-AfD jmur minn provokazzjoni għal provokazzjoni.

F’intervista riċenti, il-kandidat ewlieni tal-AfD, Maximilian Krah, stqarr mal-gazzetta Taljana La Repubblica li l-”SS ma kinux kollha kriminali”. Dan il-kumment wassal lill-partit ta’ Le Pen biex jiddikjara li mhux se joqgħod mal-AfD fil-parlament ewropew li jmiss u enfasizza l-qasmiet fi ħdan il-kamp tal-lemin estrem u nazzjonalista tal-Ewropa ġimgħat qabel l-elezzjonijiet Ewropej. Kemm ir-Rally Nazzjonali ta’ Le Pen kif ukoll l-AfD huma membri tal-grupp Identità u Demokrazija fil-parlament Ewropew.

Fil-jiem li għaddew Krah, li huwa kandidat ewlieni tal-lemin estrem fil-Ġrmanja ħabbar li ma kienx se jkompli bil-kampanja tiegħu u jwarrab mill-bord tat-tmexxija tal-AfD. L-AfD u Krah innifsu kienu mdaħħla f’diversi kontroversji f’dawn l-aħħar xhur. Fil-fatt, ix-xahar li għadda, wieħed mill-assistenti ta’ Krah ġie arrestat fuq akkużi li kien spjun għaċ-Ċina.

Krah kien involut ukoll f’diversi kontroversji matul l-aħħar ġimgħat. F’intervista riċenti, il-politiku tal-lemin estrem qal li qatt ma kien se jgħid li kull min libes uniformi tal-SS kien awtomatikament kriminal.

Ekonomija

Sport