Monday, October 28, 2024

Fit-8 ta’ Ġunju l-għażla hija dwar is-saħħa tal-Għawdxin u l-Maltin

Aqra wkoll

“Meta nitkellmu dwar l-ambjent ma nibżgħux li nkunu kuraġġużi”. Hekk emfasizza l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Dr Robert Abela waqt programm speċjali bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, fiċ-Ċentru Laburista, Marsaxlokk li bħala tema ewlenija kellu l-ambjent.

Fakkar kif l-establishment meta kien imexxu hu, kien qabad tant art kbira u tefagħha għall-iżvilupp. Madankollu Gvern Laburista qiegħed jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi fejn jidħol l-ambjent u qed jara li jkun hemm bilanċ bejn l-iżvilupp u li jagħti lura lill-poplu spazji miftuħa għal kwalità tal-ħajja aħjar.

Semma wkoll kif il-Kunsilli mmexxija minn kunsilliera f’isem il-Partit Laburista qegħdin jagħmlu differenza u hawnhekk ħa bħala eżempju Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex. Spjega li hemm ħidma biex ikun hemm bidla fil-pjan lokali ħalli l-istorja ta’ Ħondoq ir-Rummien tkun issiġillata darba għal dejjem u din tibqa’ tal-poplu.

Il-Prim Ministru qal li meta jkollok Sindki li jħobbu l-lokalità, bħall-Qala, Għawdex, Birżebbuġa u San Gwann, li minnhom kien hemm interventi waqt l-attività, dawn qed jaħdmu u jieħdu inizjattivi biex jagħmlu differenza għall-komunitajiet tal-lokal tagħhom.

Dr Abela fakkar f’dak li kien twiegħed lill-poplu li l-proġett tal-Marina f’Wied il-Għajn ma jsirx, wegħda li Gvern Laburista żamm, minkejja li l-avversarji politiċi ippruvaw idaħħlu d-dubji. Anki hawn tnieda proċess ta’ reviżjoni tal-Pjan Lokali biex ikun żgurat li l-marina ma ssrix.

L-istess bħal ma ħadem Gvern Laburista fiż-Żona Industrijali ta’ Bulebel. Hawnhekk kien hemm pjan li din tikber billi tittieħed art agrikola, għaliex il-pjan lokali kif tfassal minn Gvern Nazzjonalista u li wiret Gvern Laburista kien jippermetti li jsir dan.

F’dan il-kas ukoll id-deċiżjoni kienet jekk pajjiżna jieħux deċiżjoni favur l-industrija imma kontra l-ambjent. “Nikkonferma li l-Pjan Lokali għaż-Żona Industrijali ta’ Bulebel se jkun modifikat biex ikun żgurat darba għal dejjem li ma jkunx hemm żvilupp li jolqot art agrikola”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Fl-intervent tiegħu Dr Robert Abela tkellem ukoll dwar inċentivi li daħħal dan il-Gvern li huma indirizzati li jħarsu l-ambjent, fosthom il-grants għal min jixtri u jirrestawra propjetà f’Żona ta’ Konservazzjoni Urbana, li wkoll ikunu eżenti mill-ħlas tal-VAT.

Fakkar kif Gvern Nazzjonalista kien poġġa art verġni daqs is-Siġġiewi għall-iżvilupp, imma Gvern Laburista qed jara li joħloq proġetti ta’ spazji miftuħa u spazji ħodor li jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha.

Għalhekk it-8 ta’ Ġunju hija wkoll għażla biex il-pajjiż jibqa’ jinvesti fi proġetti ambizzjużi ambjentali bil-għan li l-poplu Għawdxi u Malti jkollu kwalità ta’ ħajja b’saħħitha, kwalità ta’ ħajja aħjar.

“Biex dan jibqa’ jsir, indur fuq kull wieħed u waħda minnkom biex fit-8 ta’ Ġunju tieħdu deċiżjoni importanti jekk tridux li nkomplu nimbuttaw ‘l quddiem dawn l-inizjattivi jew tagħtu ċans lil min irid ireġġa l-arloġġ lura. Id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju hija waħda favur is-saħħa tal-Għawdxin u l-Maltin, saħħa lix-Xlukkajri kollha”, temm il-Prim Ministru Robert Abela.

Sport