Friday, November 29, 2024

Fix-xhur li ġejjin se jinbdew x-xogħlijiet fil-parti t’isfel taċ-Chadwick Lakes

Mill-2019 saru xogħlijiet estensivi fil-parti ta’ fuq biex l-ilqugħ tal-ilma żdied bi 30,000,000 litru

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar t’Ottubru tal-2021 żviluppaw ħsarat strutturali fi triq prinċipali f’Wied Qlejgħa u minkejja kritika minn diversi individwi matul dan il-perjodu mhuwiex minnu li ma sar xejn.

Ikkonfermat dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli meta fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi qalet li bejn l-2019 u l-2023 saru xogħlijiet estensivi fil-parti ta’ fuq ta’ Wied il-Qlejgħa (il-parti tal-wied magħrufa popolarment bħala Chadwick Lakes) fejn tneħħiet veġetazzjoni invażiva u sediment li kien akkumula matul is-snin sabiex ġiet ristabbilita l-kapaċità tal-ilqugħ li jilqgħu l-ilma fil-wied kif ukoll ingħata spazju għall-veġetazzjoni naturali tal-wied biex tikber.

Azzopardi rrefera għall-post bħala wieħed ta’ telqa u abbandun, f’qagħda u sitwazzjoni prekarja li hija ta’ periklu minħabba l-fatt li hemm siġar miksurin u ħitan imwaqqa’ kull fejn tħares.

Min-naħa tagħha l-Ministru Dalli żiedet tgħid li  l-kapaċità tal-ilqugħ tal-ilma fil-wied permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet imsemmija minnha aktar qabel żdiedet bi 30,000,000 litru, filwaqt li l-ekoloġija tal-wied saret tirrifletti l-karatteristiċi naturali ta’ pajjiżna. L-interventi f’din il-parti tal-wied kienu jinvolvu wkoll it-tiswija ta’ diversi sezzjonijiet ta’ ħitan tas-sejjieħ li waqgħu u reġgħu nbnew. Ix-xogħlijiet ta’ restawr ekoloġiku għadhom għaddejjin u qed jigu kordinati minn Nature Trust Malta.

Il-Ministru Dalli qalet ukoll li sakemm kienu qegħdin isiru dawn l-imsemmija xogħolijiet kien hemm parti mit-triq ta’ matul l-ilqugħ prinċipali li ċediet. Minħabba li studji li saru fis-sit indikaw deterjorazzjoni matul l-ilqugħ kollu, ġie deċiz li din it-triq tinbena mill-ġdid u x-xogħlijiet li nbdew is-sena li għaddiet jinsabu għaddejjin.

It-triq imsemmija hija struttura antika mibnija fuq il-ħamrija taflija li tinsab fil-ġnub ta’ dan il-wied. F’din il-parti tal-wied, jinġabar volum kbir ta’ ilma minħabba l-effett tad-diga (dam) li jagħlaq il-wied.  

Minn evalwazzjoni preliminari tas-sitwazzjoni li kienet saret fis-sit kien irriżulta li l-kollass kien kawża ta’ erozjoni fil-pedamenti tat-triq, fejn l-istess studji indikaw li dan l-effett tal-erozjoni kien qed jaffettwa t-tul kollu tat-triq.

“Ix-xogħlijiet fuq il-parti t’isfel ta’ Wied il-Qlejgħa huma mistennija li jinbdew fit-tieni kwart ta’ din is-sena wara li sar studju u ġew identifikati l-azzjonijiet meħtieġa li għandhom jittieħdu”, tenniet il-Ministru Dalli.

Sport