Wednesday, July 24, 2024

F’Jannar għaddew aktar minn 465,000 passiġġier mill-Ajruport

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 465,482 passiġġier fl-ewwel xahar tal-2024, biex hekk, għall-ewwel darba mill-2020, Jannar ra aktar minn 400,000 passiġġier jgħaddu mill-ajruport.

Il-moviment tal-passiġġieri rreġistra żieda sostanzjali ta’ 22.7 fil-mija fuq l-2023, bis-6 ta’ Jannar tkun l-aktar ġurnata impenjattiva għall-ajruport. Dakinhar, ġie fi tmiemu l-istaġun tal-vaganzi tal-Milied, bi 23,923 passiġġier jaslu jew jitilqu mill-ajruport fuq 149 titjira.

It-traffiku fl-ajruport matul l-istess xahar ammonta għal 3,511-il titjira, jiġifieri żieda ta’ 23.4 fil-mija meta wieħed jikkumpara x-xahar li għadda, mal-istess xahar tal-2023. Filwaqt li l-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żiedu b’27.4 fil-mija fuq is-sena referenzjali, is-seat load factor irreġistra tnaqqis ta’ 2.8 fil-mija, biex l-okkupanza tal-postijiet disponibbli fuq l-ajruplani kienet fil-livell ta’ 74 fil-mija.

23% tal-passiġġieri li għaddew mill-ajruport f’Jannar marru jew waslu mill-Italja, biex dan is-suq żamm postu bħala l-aktar wieħed importanti (+24 fil-mija fuq l-2023), segwit mir-Renju Unit (+23 fil-mija), il-Polonja (+59 fil-mija), il-Ġermanja (+30 fil-mija) u Franza (-20 fil-mija).

Kif kien osservat tul dawn l-aħħar snin, is-suq Pollakk kompla jikber, biex issa qabeż lil dak Spanjol, Franċiż u Ġermaniż u sab postu bħala t-tielet l-aktar suq importanti għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Żieda fit-titjiriet lejn il-Polonja minn Ryanair u Wizz Air fl-iskeda tax-xitwa, wassal biex dan is-suq jikber b’59 fil-mija f’sena, bit-traffiku minn u lejn il-Polonja jammonta għal madwar 10 fil-mija tat-total tal-moviment tal-passiġġieri f’Jannar.

Sadanittant, aktar kmieni dan ix-xahar, f’rapport ippubblikat mill-Airport Council International (ACI), dwar l-andament tat-traffiku bl-ajru fl-2023, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sab postu fost l-aktar ħames ajruporti impenjattivi fir-reġjun tal-UE+.

Fil-fatt, Malta qabżet ajruporti oħra fi Spanja u l-Italja biex sabet postha fir-raba’ post, b’żieda ta’ 6.7 fil-mija fil-moviment tal-passiġġieri fuq l-2019. Fl-istess suq, il-Portugal (+12.2 fil-mija) u l-Greċja (+12.1 fil-mija) sabu posthom fl-ewwel u t-tieni post ta’ din il-klassifika, rispettivament. L-Iżlanda ġiet fit-tielet post b’żieda ta’ 6.9 fil-mija fit-traffiku tal-passiġġieri.

Ekonomija

Sport