Sunday, May 5, 2024

F’jumejn żdiedu l-każi ta’ ħsibijiet suwiċida… tlieta minnhom serji

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dr Mark Xuereb iwissi dwar il-copy cat effect

Dawn il-ġranet huma ddominati minn kontroversji li nqalgħu dwar filmati u ritratti li ttieħdu ta’ persuna li kien fi kriżi serja u f’xifer li jmut b’suwiċidju. Il-kundanni ta’ diversi kienu għall-kummenti li nstemgħu fl-istess filmati fejn xi persuni preżenti mhux talli ma ċemplux għall-għajnuna, iżda inċitawh aktar ħalli jiġbduh live fuq il-mowbajl. 

Ir-ritratti u l-vidjows li ċċirkolaw u għadhom aċċessibbli fuq il-midja soċjali huma ta’ periklu serju għas-soċjetà u għandhom jitneħħew mill-aktar fis possibbli bil-għan li jkun evitat li persuni fi kriżi serja jarawhom u jitħajjru. Materjal ta’ dan it-tip iżid il-każijiet ta’ suwiċidju u dan huwa kkonferemat mill-Kap tal-Crisis Resolution Malta, Dr Mark Xuereb, li qal lil Talk.mt li għandna noqogħdu attenti ħafna mill-copycat effect għax barra ż-żieda fit-telefonati li l-Crisis Team kellu f’dawn l-aħħar 48 siegħa b’relazzjoni ma’ dan il-każ, kien hemm diġà tliet każi ta’ kriżijiet serji ta’ persuni bi ħsibijiet suwiċida.

“Dettall eċċessiv u grafiku jagħmel ħafna ħsara”

“Il-crisis line 9933 9966 irċieva telefonati aktar mis-soltu wara li kien hemm dettall eċċessiv u grafiku tal-episodju li seħħ f’Bieb il-Belt. Bħalma dejjem ngħid, ħafna stampi u dettal żejjed jista’ jżid il-ħsibijiet ta’ suwiċidju. Dan huwa ffondat fix-xjenza, magħruf bħala l-Werther Effect,” spjega dan il-psikjatra. “The Sorrows of Young Werther” huwa rumanz miktub fejn il-karattru jikkommetti suwiċidju minħabba li ma setax ikun mat-tfajla li jħobb. Wara li nqara dan il-ktieb, kien hemm aktar inċidenza ta’ suwiċidju, dak li nsejħulu l-copycat effect – meta persuna tant tkun influwenzata li tasal biex tikkopja aġir ta’ ħaddieħor.

Dr Xuereb qal li fil-fatt, illum il-ġurnata minħabba l-midja soċjali wieħed irid joqgħod attent ħafna. F’dawn il-ġranet kemm il-Crisis Team, kif ukoll id-Dipartiment tal-Emerġenza, kellhom aktar xogħol. L-appell huwa biex ma nkattrux u ma nxerrdux dan il-materjal grafiku minħabba li nkunu qegħdin inżidu r-riskju ta’ suwiċidju, biex ikun hemm kalma u s-sens komun, kif ukoll li jekk hemm xi ħadd li qiegħed iħossu fi kriżi jew li ġie influwenzat bil-filmati, ifittex l-għajnuna minnufih.

“Daqs kemm nistgħu ngħinu, nistgħu nfixklu. lkoll għandna inkunu membri tal-Crisis Team billi nagħtu eżempju u nkunu ta’ għajnuna” 

Dr Mark Xuereb, Kap tal-Crisis Resolution Malta

Kien hemm diversi persuni u kummenti dwar dan il-każ fil-Belt, li semmgħu leħinhom kontra dawk li ma wrew ebda empatija lejn din il-vittm vulnerabbli. Fortunatament b’intervent f’waqtu minn Dr Mark Xuereb u mill-Pulizija, wara siegħa ta’ negozjati, din il-persuna għażlet li tgħix. Dr Xuereb, li salva l-ħajja ta’ din il-persuna ddikjara pubblikament li r-ritratti u l-filmati għandhom jitneħħew mill-aktar fis possibbli iżda dawn baqgħu hemm, anzi hemm min qiegħed liberament ixerridhom.

Is-sensazzjonaliżmu huwa bħal melħ ġo ferita

Il-Kap tal-Crisis Resolution Malta qal li, “dan huwa sensazzjonaliżmu u għandu jieqaf. Dettalji żejda li wkoll jistgħu jinkludu kliem, frażijiet speċifiċi, postijiet u deskrizzjoni ta’ kif se jneħħu ħajjithom, jagħtu lok għal viżwalizzazzjoni li tista’ żżid l-ikkuppjar ta’ aġir”.

Il-Werther Effect huwa dokumentat fir-riċerka tal-psikoloġija. Keith Holten kiteb fuq dan il-fenomenu, fenomenu li juri l-importanza li meta jkun hemm attentati bħal dawn f’komunitajiet, sptarijiet jew f’ħabs fost l-oħrajn, ikun hemm protokoll fejn ikun osservat l-istat mentali ta’ nies oħra li jkunu fi kriżi psikoloġika. “Dan l-avveniment distruttiv m’huwiex favur il-ħajja. Is-suwiċidju m’huwa qatt is-soluzzjoni. Min jasal f’din is-sitwazzjoni għandu bżonn l-għajnuna, wens, terapija, psikoterapija u sostenn mill-aspetti soċjali. Is-sensazzjonaliżmu f’każijiet ta’ kriżi huwa bħal melħ ġo ferita u huma jagħmlu ġest li fih jikkupjaw lil dik il-persuna,” wissa Dr Xuereb.

Il-Kap tal-Crisis Team qal li sas-Sibt bil-lejl kien hemm tliet każijiet li kienu assoċjati mat-tixrid ta’ dawn il-vidjows fuq il-midja soċjali u saħaq fir-responsabbiltà soċjali li bħala poplu għandna nġorru. “Daqs kemm nistgħu ngħinu, nistgħu nfixklu. lkoll għandna inkunu membri tal-Crisis Team billi nagħtu eżempju u nkunu ta’ għajnuna. Ma ninsewx li meta persuna tipprova tneħħi ħajjitha, il-fattur ta’ riskju li jerġa’ jirrepetiha paragun mal-popolazzjoni in ġenerali, huwa ta’ 100 darba aktar. Barra minnhekk, is-suwiċidju jkun perpetwat minn ġenerazzjoni għall-oħra u jħalli niktet kbir għal dawk li jħalli warajh il-vittma ta’ suwiċidju,” insista Dr Xuereb.

Pożittività, soluzzjonijiet u eżempji tajba

Kemm ilha li ġrat din il-ġrajja huwa fatt li f’pajjiżna qegħdin nesperjenzaw il-Werther Effect fejn waqt li kien f’kuntatt ma’ dan il-ġunal, Dr Xuereb waqaf ikellimna biex jassisti f’żewġ interventi oħra. B’kuntrast tal-Werther Effect huwa semma’ l-Papageno Effect li minflok, iwassal messaġġi u stampi pożittivi, kif ukoll soluzzjonijiet u eżempji ta’ nies, anke pubbliċi, li rebħu kriżi ta’ suwiċidju. 

Rigward dan, il-Kap tal-Crisis Team qal li, “dawn huma l-messaġġi li juru li kulħadd jista’ jgħaddi minn żmien ta’ kriżi però, bl-eżempji ta’ dawn in-nies u s-servizzi ta’ għajnuna ta’ Crisis Team u oltre, wieħed jista’ jgħix il-ħajja b’mod intensiv u b’suċċess. It-tkattir tas-suwiċidju huwa piż mhux biss għall-persuna imma anke għal tal-familja, is-soċjetà u fuq l-ekonomija tal-pajjiż”. 

Dr Xuereb talab għall-għaqda u biex kulħadd isir parti mill-Crisis Team bil-għan li nsalvaw aktar ħajjiet. Filwaqt li esprima sodisfazzjon għall-investiment fiċ-ċentru tal-Emerġenza fejn jilqgħu t-telefonati, huwa saħaq li hemm bżonn li nkomplu naħdmu u li jkun hemm aktar bilanċ. “Nixtieq li jkun hemm kordinazzjoni tas-servizzi u li l-baġit ikun maqsum b’mod aktar ekwitabbli fejn il-fondi għall-Istrateġija Nazzjonali jitqassmu b’mod li nkunu nistgħu nilħqu aktar nies fil-ħin. Hemm bżonn naħfru lil dawn in-nies li qasmu l-filmati u li huma jiskużaw ruħhom ukoll. Flimkien irridu ngħinu lill-proxxmu. Bl-eżempju ta’ dan ir-raġel nittamaw li dawk in-nies li qegħdin fid-dell, joħorġu u jitolbu għall-għajnuna meħtieġa”. 

Fittex l-għajnuna

Kull min jinsab fi kriżi serja jew jaf persuni li qegħdin jikkontemplaw li jtemmu ħajjithom jista’ jċempel lil Crisis Resolution Malta 24/7 fuq 9933 9966. Servizzi oħra huma l-KriżiApp kif ukoll il-paġna tagħhom fuq il-Facebook. Fittxu l-għajnuna!

Sport