“Malta għandha waħda mill-inqas rati ta’ suwiċidju fl-Ewropa. Però kull każ ta’ suwiċidju huwa traġedja. Aħna rridu naħdmu biex lanqas każ wieħed ma jkollna. Fl-2024 se nkunu qed inniedu strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju biex inkomplu nnaqqsu r-rata baxxa li diġà għandna kumparati mal-ewropa, ta’ suwiċidji,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt l-Estimi tal-budget allokati għall-Ministeru mmexxi minnu.
Huwa rrimarka wkoll li se jkompli jiżdied is-servizz tal-iscreening. Kien hawn fej semma kif Malta, fl-aħħar 10 snin, rat l-akbar rata ta’ żieda f’nisa li jmorru għal screening tas-sider fl-Ewropa.
Ma’ dawn, huwa semma kif se jkunu qegħdin jiżdiedu l-mediċini fuq il-formularju tal-Gvern filwaqt li għaddejja ħidma fuq kunċett ġdid dwar l-aċċess għall-mediċini. Dwar din tal-aħħar, Fearne qal li Malta qiegħda taħdem mal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini u mal-Kummissjoni Ewropea biex tinħoloq sistema ta’ “electronic patient information leaflets.”
“Sistema fejn meta tmur tixtri mediċina, din ikollha barcode speċjali li tista’ tinqara b’mod diġitali. B’hekk jekk pereżempju tixtri mediċina mill-Italja, tkun tista’ tara x’ikun hemm fuqha b’mod diġitali bil-Malti jew bl-ingliż,” qal Fearne filwaqt li spjega li din se tfisser aċċess aħjar għall-mediċini.
Finalment huwa ta elenku għax-xogħol li sar fl-ewwel għaxar ta’ din is-sena fil-qasam tas-saħħa. Fost dawn huwa semma li “diġa’ daħħalna apparat ġdid fl-ITU, daħħalna CT Scanner ġdid fid-Dipartiment tal-Emerġenza, żidna l-operazzjonijiet bir-robotika u fi sptarijiet privati li jħallas għalihom il-Gvern, daħħalna l-home chemotherapy, fast track għall-kanċer tal-ġilda, wessajna s-servizzi u t-trattamenti tal-IVF, 13-il konsulent ġdid li qed joffru servizz fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
“Ftaħna klinika tal-komunità ġewwa Ħad-Digli u oħra fl-Iklin, ftaħna mill-ġdid iċ-ċentru rinovat tas-saħħa f’Birkirkara, bdejna nagħtu screening għall-glaucoma fil-komunità, ftaħna ċentru ta’ dentistrija f’Għawdex, daħħalna mediċini ġodda, ftehim settorjali ġdid mal-infermiera u l-qwiebel,” tenna Fearne.
Huwa temm jgħid li dan kollu huwa garanzija illi għas-snin li ġejjin dan il-Gvern se jkompli jinvesti biex il-Maltin u l-Għawdxin ikomplu jingħataw l-aqwa servizz ta’ saħħa.