Fl-aħħar erba’ ġimgħat, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal investa €154 miljun f’pensjonijiet u benefiċċji biż-żidiet imħabbra fil-Budget 2025. Sal-aħħar ta’ din is-sena, l-investiment soċjali fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali se jlaħħaq l-€1,600 miljun, investiment rekord ta’ kull żmien.
Ħabbar dan il-Ministru Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tħabbru wkoll numru ta’ pagamenti ta’ benefiċċji soċjali li se jsiru fi tmiem din il-ġimgħa.
“L-investiment f’benefiċċji għall-familji bit-tfal u familji bi dħul baxx jew medju ttripla minn €50 miljun fl-2013 għal madwar €152 miljun sa din is-sena. Dan il-gvern jifhem u jindirizza ir-realtajiet u sfidi soċjali ġodda, fl-aqwa interess tal-familji, tal-pensjonanti u dawk l-aktar vulnerabbli,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet ingħad ukoll li pensjonanti romol ser jirċievu l-ewwel pagament tal-pensjoni miżjuda għal din is-sena. Fi tmiem din il-ġimgħa se jingħataw ukoll benefiċċji oħra bħal dawk tal-mard, tal-qgħad u għal dawk li sofrew korriment fuq il-post tax-xogħol.
Is-Segretarju Permanenti Mark Musù sostna li b’kollox hemm 18,044 romol li ser jitħallsu aktar minn €17-il miljun għall-ewwel 4 ġimgħat tas-sena. Il-pagamenti jinkludu ż-żieda ta’ €8 fil-ġimgħa. Il-pagamenti għadhom ma jinkludux l-aġġustament li se jsir sa Mejju sabiex gradwalment il-pensjoni tar-romol tiġi daqs tal-konjuġi li jkun miet. Intant fl-aħħar 10 snin, il-pensjonanti tar-romol gawdew minn żieda ta’ aktar minn €60.
Dan filwaqt li 9,414 persuna ser jitħallsu aktar minn €1.4 miljun f’Assistenza għal Mard, 1,091 persuna qed jitħallsu benefiċċji kontributorji temporanji oħra minħabba mard, korriment jew qgħad temporanju. Dan filwaqt li dawk li qed jitħallsu għall-Assistenza għal Qgħad niżlu għal 212, li huwa l-aktar numru baxx ta’ benefiċjarji ta’ din l-assistenza ta’ kull żmien.
Żdied ukoll il-limitu tal-assi kapitali għall-assistenzi nonkontributorji: Id-dritt għall-Pensjoni tal-Età, l-Assistenzi Soċjali inkluż tal-Qgħad, l-Assistenza Medika u l-Karta r-Roża. It-thresholds ser jinbidlu minn €23,300 għal €26,000 għall-miżżewġin/koppji, u minn €14,000 għal €16,000 għall-persuni singoli.