Wednesday, December 25, 2024

Fl-Ingilterra: Ziju qatel lin-neputija tiegħu wara li rrifjutat żwieġ irranġat minn qabel

Aqra wkoll

Raġel li qatel lin-neputija tiegħu fl-Ingilterra wara li rrifjutat illi tikkommetti ruħha għal żwieġ sfurzat, fis-sigħat li ġejjin se jkun qed jingħata s-sentenza b’rabta ma’ dan il-qtil fejn jista’ jaffaċċja sentenza ta’ priġunerija għal għomru.

Somaiya Begum, tfajla ta’ 20 sena li kienet studenta fl-Università ta’ Leeds Beckett fl-Ingilterra, inqatlet fid-dar tagħha f’Bradford fil-25 ta’ Ġunju li għadda minn Mohammed Taroos Khan, ta’ 53 sena. Wara, huwa telaqha f’żona fejn jintrema l-iskart daqslikieku kienet xi “borża żiebel”.

Il-katavru tat-tfajla nstab fis-6 ta’ Lulju tal-2022, 11-il ġurnata wara li seħħ il-qtil. Hija nstabet f’sit industrijali, b’biċċa għodda ta’ madwar erba’ pulzieri mdeffsa f’sidirha.

Il-ġurati ta’ Bradford Crown Court damu disa’ sigħat u nofs jiddeliberaw qabel ma sabu lil Khan ħati ta’ dan l-omiċidju. Huwa kien ġa ammetta li prova jfixkel il-ħidma tal-Qorti billi ħeles mill-katavru tat-tfajla u prova jeqridilha l-mowbajl.

Il-Qorti semgħet kif missier it-tfajla, kien ippjana li jżewweġ lil bintu ma’ wieħed mill-kuġini tagħha mill-Pakistan. Intant, meta Begum kien għad kellha 16-il sena, prova jikkonvinċiha diversi drabi sabiex tikkommetti ruħha għal dan iż-żwieġ, fejn saħansitra anki rrikorra għall-vjolenza fuq il-vittma.

Il-Prosekutur Jason Pitter KC qal li missier il-vittma kif ukoll iz-ziju tat-tfajla ġew ordnati mill-Qorti sabiex ma setgħux jersqu lejn id-dar li kienet qed tgħix fiha t-tfajla ma’ xi familjari tagħha. Minkejja dan, il-ġurati semgħu kif Khan qata’ sett ta’ ċwievet tad-dar li kienet qed tgħix fiha n-neputija dakinhar li seħħ id-delitt.

Apparentament, jidher li dan l-istess ziju fil-jum tad-delitt żar id-dar tat-tfajla tliet darbiet u kkuntattjaha fuq il-mowbajl tagħha.

Il-każ se jinstema’ quddiem l-Imħallef Justice Garnham.

Ekonomija

Sport