Il-funeral tal-eks Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, se jibda f’Tehran fl-4 ta’ Lulju u jintemm bid-difna tiegħu f’belt twelidu, il-belt qaddisa ta’ Mashhad, nhar id-9 ta’ Lulju.
Khamenei kien inqatel fl-ewwel jum tal-attakki mill-ajru mwettqa minn Iżrael u l-Istati Uniti kontra l-Iran nhar it-28 ta’ Frar li għadda. Huwa kellu 86 sena u kien ilu fit-tmexxija tar-Repubblika Iżlamika għal 36 sena.
Qed ikun irrapportat li l-arranġamenti tal-funeral se jinkludu wkoll ċerimonji fis-7 ta’ Lulju fil-belt qaddisa ta’ Qom, fin-nofsinhar ta’ Tehran.
Il-liġi Iżlamika titlob li l-mejjet jindifen kemm jista’ jkun malajr, u idealment fi żmien 24 siegħa mill-mewt tiegħu, iżda huma permessi eċċezzjonijiet, pereżempju fi żmien ta’ gwerra.
Matul it-tmexxija tiegħu, Khamenei bena lill-Iran f’forza qawwija kontra l-Istati Uniti, billi estenda l-influwenza militari tiegħu madwar il-Lvant Nofsani permezz ta’ forzi alleati bħal Hezbollah fil-Libanu, filwaqt li uża politika iebsa biex irażżan kwalunkwe mewġa ta’ protesti jew diżordni ġewwa l-pajjiż.
Khamenei baqa’ kritiku qawwi tal-Istati Uniti matul il-mandat kollu tiegħu, filwaqt li amministrazzjonijiet Amerikani suċċessivi ppruvaw, mingħajr suċċess, isolvu t-tilwima mal-Iran dwar il-programm nukleari tiegħu.



