Sunday, June 14, 2026

Malta titneħħa formalment mill-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv

Aqra wkoll

Is-Sibt, il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea ħabbar li kien għalaq formalment il-proċess biex Malta titneħħa mill-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tal-Unjoni Ewropea.

Dan il-pass ittieħed wara li aktar kmieni l-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat li Malta titneħħa minn din il-proċedura wara li laħqet il-miri stabbiliti.

Il-Gvern Malti, irnexxielu jniżżel id-defiċi għal 2.2%, li hija inqas minn 3% biex pajjiż ma jibqax fil-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv u dan skont trattati tal-Unjoni Ewropea.

Id-deċiżjoni ttieħded wara laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjari, l-ECOFIN, li saret fil-Lussemburgu.

Is-sena l-oħra l-Unjoni Ewropea kienet tat l-ewwel sinjali l-Malta kienet se tilħaq il-miri fiskali tagħha, iżda kienet bassret li dawn se jintlaħqu s-sena d-dieħla. Minkejja dan, il-Gvern Malti rnexxielu jilħaq dawn il-miri sena qabel.

Il-midja internazzjonali nnutat li Malta hija l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea li se titneħħa minn din il-proċedura Ewropea.

Fi stqarrija mill-Kunsill Ewropew intqal li għad hemm disa’ stati membri li għadhom taħt din il-proċedura. Fost dawn hemm l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja u r-Rumanija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport