Tuesday, April 23, 2024

Fl-Istati Uniti: F’ġimgħa 250,000 tifel u tifla jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Kwart ta’ miljun tifel u tifla fl-Istati Uniti rriżultaw pożittivi għall-Covid-19 fil-perjodu li fih miljuni ta’ studenti qegħdin jirritornaw lura fl-iskejjel. L-Istati Uniti qiegħed jiffaċċja żieda qawwija ta’ każijiet pedjatriċi minħabba l-virus b’numru rekord ta’ tfal pożittivi ta’ kull ġimgħa.

F’rapport mill-Akkademja Amerikana għall-Pedjatrija u mill-Assoċjazzjoni tal-Isptarijiet tat-Tfal jingħad li din il-ġimgħa biss, kważi 252,000 tfal f’dan il-pajjiż ġew infettati bil-Covid-19. Din hija l-akbar żieda ta’ każijiet pedjatriċi f’ġimgħa minn mindu bdiet il-pandemija globali. 

Minn mindu faqqgħet din il-pandemija fl-Istati Uniti kien hemm aktar minn ħames miljun tfal li rriżultaw pożittivi għall-Coronavirus. Dawn l-assoċjazzjonijiet ħabbru li x-xahar li għadda waħdu, kienu rrapportati aktar minn 750,000 każijiet fost it-tfal. Dan wara li s-superpotenza kellha żieda kbira fin-numru tal-infezzjonijiet.

Il-figuri rreġistrati ta’ kull ġimgħa issa huwa rrapportat li huwa 300 darba iżjed milli kienu f’Ġunju li għadda meta f’perjodu ta’ ġimgħa kien hemm biss 8,400 każijiet pedjatriċi. Skont informazzjoni maħruġa miċ-Ċentru għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard (CDC) in-Nofsinhar tal-pajjiż għandu aktar min-nofs tal-każijiet tal-Covid-19 fost it-tfal.

Skont l-Istati Uniti, ftit inqas minn 2,400 tifel u tifla qegħdin jingħataw kura fl-isptar b’infezzjonijiet ikkonfermati jew issuspettati tal-Covid-19. Komplikazzjonijiet serji jew mewt għandhom ikkonsidrati bħala “rari” fost it-tfal. 

Minkejja dan l-AAP u s-CHA wissew li hemm bżonn urġenti li jinġabar aktar tagħrif dwar il-konsegwenzi fit-tul tal-pandemija fuq it-tfal, “inklużi modi kif il-virus għandu mnejn iħalli effetti negattivi fuq it-tfal infettati, inklużi dawk emozzjonali u mentali ”.

Sport