Friday, May 3, 2024

Il-Fergħa tal-BOV taż-Żurrieq se tingħata dehra ġdida

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta reċentament nieda proġett ta’ rinnovazzjoni li se jara l-akbar numru ta’ fergħat tal-Bank jiksbu dehra aktar moderna. Wara l-ftuħ tal-Fergħa l-ġdida f’Tas-Sliema u l-bidu tar-rinnovazzjoni fuq il-Fergħa ta’ Raħal Ġdid, il-proġett se jkompli bil-Fergħa taż-Żurrieq. 

“Il-missjoni tagħna hija li nfasslu esperjenzi li jaqdu l-bżonnijiet tal-klijenti tal-lum,” qal Kenneth Farrugia, Chief Retail Banking Officer fil-Bank of Valletta. Hekk kif il-Bank qed imexxi ‘l quddiem l-istrateġija BOV 2023, grupp speċifiku ta’ speċjalisti tar-Retail Network qed jimplimenta dan il-proġett biex jiddisinja mill-ġdid iż-żoni ta’ kuntatt mal-klijenti u jibdilhom f’ċentri bankarji ffukati fuq il-klijent. “Ammont sostanzjali tal-klijenti tagħna għadhom qed iżuru l-fergħat tagħna, u dawn il-klijenti jibqgħu fil-qalba tal-viżjoni strateġika tagħna ‘l quddiem.”

Minħabba xogħlijiet estensivi u għas-sigurtà tal-klijenti, il-Fergħa taż-Żurrieq se tingħalaq temporanjament mill-20 ta’ Settembru 2021 għal madwar tlett xhur. Is-servizzi tal-kaxxiera se jiġu pprovduti mill-Fergħa tal-Imqabba mit-Tnejn sas-Sibt bejn it-8:30am u 12:00pm. Servizzi oħra bħal self għad-djar, self personali, investimenti u applikazzjonijiet għal servizzi ġodda se jkunu disponibbli b’appuntament mill-Fergħa tal-Imqabba. 

L-ATM li tinsab mal-Fergħa taż-Żurrieq se tibqa’ fis-servizz għad-disponibbiltà tal-klijenti. ATMs oħra viċin jinsabu Ħal Safi (Triq il-Hajt Ruman) u anke mal-Fergħat tal-Imqabba, ta’ Ħal Luqa u ta’ Skyparks. Il-klijenti huma mħeġġa jużaw il-BOV Cards biex jipproċessaw il-ħlasijiet u l-BOV Internet u Mobile Banking biex iwettqu l-ħtiġijiet bankarji tagħhom ta’ kuljum b‘mod aktar mgħaġġel u konvenjenti.

Il-Bank of Valletta jixtieq jiskuża ruħu mal-klijenti tiegħu għall-inkonvenjent ikkawżat u jirringrazzjahom għall-koperazzjoni tagħhom.

“Matul ix-xhur li għaddew ħdimna b’mod intensiv biex nissimplifikaw, insaħħu u nistandardizzaw l-esperjenza tal-fergħat tagħna sabiex din tkun aktar iffukata fuq il-klijent. Ir-rispons pożittiv li diġà rċevejna fuq il-fergħa l-ġdida ta’ Tas-Sliema jsaħħilna l-fiduċja f’dan il-proġett ta’ rinnovazzjoni. Il-klijenti ser jiġu milqugħa f’ambjent bankarju aktar attraenti u modern” temm jgħid Farrugia.

Sport