Monday, July 15, 2024

Fl-Uganda: Sitt snin ħabs għal raġel talli insulta lill-President

Aqra wkoll

Il-Qorti fl-Uganda kkundannat żagħżugħ ta’ 24 sena sitt snin priġunerija wara li nstab ħati li nsulta lill-President u lill-familja tiegħu permezz ta’ filmat fuq il-pjattaforma ta’ TikTok.

Fil-Qorti, Edward Awebwa kien akkużat b’diskors ta’ mibegħda u li xerred informazzjoni qarrieqa u malizzjuża kontra l-President Yoweri Museveni, martu Janet Museveni u ibnu Muhoozi Kainerugaba, li huwa l-kap tal-militar.

Il-Qorti semgħet ukoll li Awebwa kien qasam informazzjoni abbużiva, fejn f’filmat spjega se jkun hemm żieda fit-taxxi taħt il-President Museveni. L-akkużat wieġeb li huwa ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bl-avukati tiegħu għamlu talba sabiex jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat li pprosediet l-każ kienet iebsa mal-akkużat, hekk kif fil-Qorti qalet; “L-akkużat jistħoqqlu kastig li jippermettilu jitgħallem mill-passat tiegħu biex id-darba li jmiss jirrispetta persuna tant importanti bħal President, martu u ibnu”.

Din mhijiex l-ewwel darba li xi ħadd ġie kkundannat il-ħabs fuq diskors ta’ mibegħda. Dan hekk kif sentejn ilu, l-awtur mill-Uganda, Kakwenza Rukirabashaija kien akkużat li kkommunika b’mod offensiv waqt li tkellem fuq il-President u fuq ibnu.

Huwa ħarab mill-pajjiż u mar il-Ġermanja wara li qatta’ xahar il-ħabs, fejn sostna li kien ittorturat. Kien hemm ukoll il-kittieba Stella Nyanzi, li tinsab eżiljata hekkkif intbagħtet il-ħabs wara li ppubblikat poeżija li kienet ta’ kritika kontra s-Sur Museveni.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport