Gzira Utd …..0
Floriana ……..3
Minn Cristian Muscat
Floriana rritornaw għar-rebħ meta ikkonvinċew u għelbu l-isfida ta’ Gzira United bl-iskor ta’ 3-0 biex telgħu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika.
Kienet rebħa ferm meritata għall-Greens li ddominaw il-partita minn kull lat fosthom mill-pussess territorjali, u qatt ma taw ċans lill-Maroons jiddettaw il-logħob tagħhom, b’dawn tal-aħħar dehru biss dell tat-team li ħasad lil Hamrun Spartans bl-iskor minimu ta’ 1-0 fil-partita preċedenti.
Kienu l-Greens li fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fir-raba’ minuta permezz ta’ free-kick mill-isbaħ ta’ JOSE FERNANDO GOMES JUNIOR li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper, Giulio Mangano, isalva.
Gzira wieġbu mal-kwarta logħob, meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Gabriel Bohrer Mentz kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata mill-goalkeeper ta’ Floriana, Christoffer Mafoumbi, b’Joseph Minala minn pożizzjoni ideali ikollu t-tentattiv tiegħu jintemm ftit barra.
Iżda mill-azzjoni li segwiet, fuq in-naħa l-oħra tal-ground, sekondi biss wara, Floriana rduppjaw l-iskor permezz ta’ xutt djagonali minn ġol-kaxxa ta’ JOSE FERNANDO GOMES JUNIOR, bil-ballun jaħbat mal-wieqfa qabel intemm fix-xibka.
Il-Maroons irrispondew fis-37 minuta permezz ta’ xutt angolat ta’ Thaylor Aldama li ġie salvat mill-goalkeeper ta’ Floriana, Christoffer Mafoumbi.
Huma komplew jippressaw fit-tentattiv li jnaqqsu l-marġni tal-iskor u fil-ħin mizjud, free-kick ta’ Thiago Espindola, għadda ftit barra.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Greens ħarġu ferm aggressivi u fis-47 minuta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Gabriel Sotomayor ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Mangano.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-68 minuta rebħu penalty meta l-captain Gabriel Bohrer Mentz waqqa’ lil Elvis Mashike Sukise fil-kaxxa. Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-istess ELVIS MASHIKE SUKISE li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun naħa u lil Mangano n-naħa opposta.
Il-partita kompliet tkun karatterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, bi Floriana komdi u jkomplu jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
GZIRA U.: 30-Giulio Mangano, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 4-Joseph Minala (20-Stefan Denic 46), 5-Enrico Pepe, 6-Andrew Borg (47-Brooklyn Borg 73), 7-Thaylor Aldama, 14-Luis Carlos Riascos, 17-Montell Shaquill, 22-Kurt Zammit (9-Faysal Chouhaib 23), 89-Nikola Disic (23-Sean Schembri 73), 93-Thiago Espindola (19-Manuel De Filippis 73) – Coach: Giovanni Tedesco
FLORIANA: 45-Christoffer Mafoumbi, 9-Elvis Mashike Sukise (55-Alexandros Kouro 82), 10-Gabriel Sotomayor (14-Jork Eblin Becerra 76), 11-Zachary Scerri, 12-Dunstan Vella (8-Jake Grech 76), 17-Owen Spiteri, 20-Matias Nicolas Garcia, 21-Carlo Zammit Lonardelli, 25-Julian Gonzalo Gamarra (77-Aleandro Garzia 81), 79-Guy Serge Cedric Yamaegi, 94-Jose Fernando Junior Gomes (27-Franklin Sasere 76) – Coach: Darren Abdilla
REFEREE: Matthew Degabriele
ASS. REFEREES: Duncan Spencer, David Castillo
RABA’ UFF: Malcolm Spiteri
SKORERS: J. F. Gomes Junior 4, 16, E. Mashike Sukise pen. 68 (F)
AMMONITI: O. Spiteri, G. S. C. Yameogo (F), J. Minala, T. Aldama, G. Bohrer Mentz (GU)