Thursday, December 26, 2024

FLUS FIL-ĦELA JEW INVESTIMENT?

Aqra wkoll

Pajjiżna reġa’ kiseb riżultat negattiv ieħor fil-Eurovision Song Contest, meta Malta, għat-tielet sena konsekuttiva ma rnexxielhiex tagħmilha għas-serata finali ta’ dan il-festival. Dan minkejja l-wirja mill-aqwa li tat il-kantanta Għawdxija Sarah Bonnici f’Malmo, l-Iżvezja, fejn interpretat il-kanzunetta “Loop” bl-aħjar mod possibbli.

B’riżultati ta’ din ix-xorta, illum iktar minn qatt qabel, sirna nemmnu li huwa diffiċli ħafna li nikkompetu mal-barranin u niksbu r-riżultati. B’dan li qed ngħidu ma rridux ninftehmu li qed niddisprezzaw lit-talent lokali, jew li qed nitfgħu xi tort fuq il-kantanti Maltin. Xejn minn dan anzi nirrikonoxxu l-isforzi li dawn jagħmlu u nistqarru li aħna kburin bihom u ninkoraġġuhom, imma l-punt hu li aħna rridu nagħrfu l-limitazzjonijiet ta’ pajjżna.

Niftakru dwar meta kien hemm żmien fejn kien jingħad li Malta ma tista’ tirbaħ qatt sakemm il-kantanti jibqgħu jkantaw bil-Malti. Hawnhekk nistaqsu, għaliex hija xi ħaġa li għadna ma nistgħux nifhmu, kif kantanti oħra jirbħu anki meta jkantaw bil-lingwa tagħhom stess, lingwa li min ikun qed isegwiha ma jifhem xejn.

Nemmnu illi jekk irridu nibqgħu nipparteċipaw u nittamaw li jkollna suċċess f’festivals bħal dawn, hemm bżonn li mhux biss ninvestu aktar fit-talent lokali imma wkoll naħdmu biex niġbdu aktar appoġġ lejn pajjiżna minn pajjiżi oħra li jkunu qed jieħdu sehem ukoll f’dan il-festival.

Wara din ir-riflessjoni tagħna nistennew li se jkun hemm min jikkritikana, l-iktar dawk li jemmnu li l-parteċipazzjoni Maltija f’festivals rinomati ta’ din ix-xorta joffru vetrina għat-talent lokali. Dan jista’ jkun kollu minnu imma rridu naraw ukoll jekk l-ispiża li ssir hijiex ġustifikabbli. Apparti dan kollu, fin-nofs hemm ukoll isem pajjiżna. Ma jistax ikun aktar li nkomplu nħallu sitwazzjonijiet fejn pajjiżna lanqas biss jinġabar f’dawk li huma voti tal-pubbliku Ewropew.

Għalhekk jekk irridu nibqgħu nipparteċipaw u nittamaw li jkollna suċċess f’festivals bħal dawn, hemm bżonn li mhux biss ninvestu aktar fit-talent lokali imma wkoll naħdmu biex niġbdu aktar appoġġ lejn pajjiżna minn pajjiżi oħra li jkunu qed jieħdu sehem ukoll f’dan il-festival.

Ekonomija

Sport