FLUS FL-IDEJN

Aqra wkoll

Ma tistax tiċħad li fil-pajjiż, għad hawn każi ta’ familji li jinsabu minn taħt u ma jistgħux ilaħħqu mal-bżonnijiet tagħhom. Li l-problemi tagħhom jixirqilhom attenzjoni u appoġġ għandha tkun priorità soċjali għall-gvern u għall-komunità. Imma f’termini ta’ maġġoranza anke kbira ta’ individwi u familji, il-qagħda tjiebet għal tjiebet sew  u għadha qiegħda titjieb – talanqas b’kejl ekonomiku u finanzjarju. Ma jagħmilx sens li wieħed jiċħad dal-fatt.

Jixhdu l-bejgħ u x-xiri u l-kompetizzjoni qawwija fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut – illum dominat mis-supermarkets il-kbar u mill-katini ta’ ħwienet ibbrandjati. Il-flus fl-idejn donnhom qed ifawru – għalkemm din l-espressjoni ftit għadha tinftiehem għax ħafna transazzjonijiet isiru b’mod elettroniku. Il-konsum intern baqa’ wieħed mill-muturi ewlenin tal-ekonomija. Jieħu n-nifs tiegħu min-nefqa tal-gvern u t-turiżmu. Ilna nistaqsu kemm dan ir-ritmu jista’ jinżamm. Minn diversi perspettivi, ma jistax jitqies bħala sostenibbli. Imma sa issa, baqa’ għaddej. Skont it-tbassir li qed isir, għandu jkompli…

DISKRIMINAZZJONI

Dnub li l-proġett biex tinbidel il-kostituzzjoni ħalli tinħoloq kummissjoni nazzjonali għad-drittijiet umani u l-ugwaljanza ma għaddiex mill-Parlament. Huma xinhuma r-raġunijiet li wasslu għal hekk, dar-riżultat ma jagħmlilniex ġid. It-twaqqif tal-kummissjoni kien ikun sinjal qawwi li d-drittijiet tal-bniedem tassew se jkollhom tarka effettiva biex tiżgura li qed jitwettqu – waħda indipendenti mill-magna tal-gvern. 

Diversi setturi ressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom għaliex il-kummissjoni m’għandhiex titwaqqaf kif proposta, b’numru sew minnhom jinħassu ġenwini. Jibqa’ d-dubju (jew suspett) madankollu dwar jekk il-problema fondamentali hijiex il-fehma ta’ uħud li jekk nistgħu ngħaddu (kif għaddejna sa issa) mingħajr dil-kummissjoni, x’hemm bżonn noħolquha?

POPULISTI MAS-SINJURI

Paradoss: Il-partiti populisti jsibu l-akbar appoġġ fost ċittadini li jaqilgħu l-anqas. Imbeżżgħin minn dawk kollu li jqisuhom qed jieħdu vantaġġ inġust fuqhom…. barranin jew ċittadini bħalhom aktar ixxurtjati… isibu l-faraġ u l-ħarsien tagħhom fir-retorika qawwija marbuta ma’ dak li jkiddhom, tal-populisti tal-lemin jew tax-xellug.

Parti mhux żgħira tal-ilmenti tagħhom tkun ġustifikata, għalkemm mhux bilfors għar-raġunijiet li jaħsbu huma. Jiġbduhom il-wegħdi tal-populisti li malajr malajr se jwettqu ħidma sempliċi u qawwija biex iwittu d-dwejjaq tagħhom.

Biss imbagħad meta l-populisti jaslu fil-gvern jew qribu, il-miżuri li jieħdu jiġbdu bl-aktar mod apert lejn l-interessi tas-saffi tas-soċjetà li l-aktar sejrin tajjeb. Dil-ħaġa tapplika minn Trump fl-Istati Uniti, għal Milei fl-Arġentina, sa Meloni fl-Italja u anke Farage fir-Renju Unit. Diffiċli tfisser kif movimenti li jinbnew fuq il-biża’ u d-dwejjaq tan-nies bi dħul modest, jispiċċaw l-aqwa appoġġ ta’ min hu l-aktar għani u x’aktarx hu responsabbli għall-kawżi fis-soċjetà li jqanqlu biża’ u dwejjaq.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport