Nhar it-Tnejn filgħodu, fil-Furjana, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-parteċipanti tal-Karnival qabel ma taw bidu għal ġurnata oħra mimlija attivitajiet organizzati minn Festivals Malta fil-Belt Valletta.
Waqt iż-żjara, Dr Abela ra l-ħidma mwettqa b’mod volontarju u b’tant dedikazzjoni mid-dilettanti tal-Karnival biex joħolqu l-karrijiet tagħhom, kif ukoll kostumi u żfin biex jitgawdew mill-pubbliku kif ukoll mit-turisti li jżuru pajjiżna waqt dawn il-ġranet tal-Karnival.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-parteċipanti kollha u l-organizzaturi għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom sabiex ikomplu jżommu ħaj it-tradizzjoni tal-Karnival. Huwa saħaq li dawn it-tradizzjonijiet kulturali huma parti mill-identità tagħna u għaldaqstant il-Gvern kommess li jibqa’ jżid l-investiment fil-qasam kulturali sabiex tibqa’ tiġi ppreservata l-identità ta’ pajjiżna.
Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u d-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil, flimkien ma’ rappreżentanti minn Festivals Malta.