Thursday, October 10, 2024

Fost l-akbar sfidi tal-Maltin hemm l-impatt tal-pandemija fuq is-saħħa mentali

Aqra wkoll

Kif tkellimna diversi drabi u rrappurtajna, il-pandemija ħalliet effett negattiv fuq is-saħħa mentali tal-poplu tagħna. Grupp fost l-aktar milqut għax kellhom jagħmlu sagrifiċċji kbar huma l-anzjani. 

Dwar dan tkellmet ukoll il-Fondazzjoni Richmond, fejn f’riċerka li għamlet ġie dikjarat li  33.7 fil-mija tal-popolazzjoni f’Malta kienet imħassba dwar is-saħħa mentali tagħhom stess. Ma’ dawn kien hemm  40.5 fil-mija li  kienu mħassbin dwar is-saħħa mentali ta’ qraba tagħhom. 

Id-domanda għal servizzi psikoloġiċi żdiedet b’mod qawwi hekk kif aktar nies qed iħossu l-ħtieġa li jirrikorru għall-appoġġ professjonali.

Matul l-aħħar sena u nofs, il-Fondazzjoni Richmond irċeviet mat-3,800 telefonata fuq il-linja 1770. Dan ifisser żieda ta’ 500%. Minn dawn it-telefonati ftit inqas minn kwart kellhom bżonn l-għajnuna. Dan ifisser żieda ta’ erba’ darbiet aktar fl-aħħar sitt xhur. Id-domandi għal servizzi terapewtiċi żdiedu wkoll b’70% fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.

Il-Fondazzjoni Richmond fi stqarrija iddikjarat li ż-żieda fid-domanda għall-appoġġ psikoloġiku u servizzi professjonali turi li n-nies huma aktar konxji tal-bżonnijiet tas-saħħa mentali tagħhom u lesti li jirrikorru għall-għajnuna. Spjegat li l-pandemija setgħet għenet sabiex tonqos l-istigma relatata mas-saħħa mentali. 

Tenfasizza li din iż-żieda fid-domanda toħloq lakuna fis-servizzi lokali tas-saħħa mentali b’mod ġenerali u tixħet dawl fuq in-nuqqas ta’ riżorsi umani disponibbli f’dan is-settur. Spjegat li nies li jeħtieġu għajnuna professjonali qed ikollhom idumu jistennew aktar.

Intant, il-Fondazzjoni Richmond qed tagħti parir lil dawk li jkunu qed jistennew biex jaraw terapista biex fost l-oħrajn ikellmu lill-professjonist permezz tal-helpline 1770. Il-persuna tista’ titkellem ukoll b’mod kunfidenzjali mal-professjonisti tagħha fuq OLLI Chat. Wieħed hawn jista’ jitkellem b’mod liberu waqt li jibqa’ anonimu. Dan is-servizz huwa disponibbli 24/7.

Sport