Friday, April 19, 2024

“F’Ottubru u Novembru mistennija żieda fl-imwiet” – L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa wissiet li l-Ewropa għandha tipprepara għal iktar imwiet kawża tal-Covid-19 matul ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru. 

Hans Kluge, li huwa d-direttur għall-Uffiċċju Ewropew tal-WHO qal li, “se tkun qiegħda ssir iktar diffiċli… f’Ottubru u Novembru se nkunu qegħdin naraw iktar imwiet.”
F’dawn l-aħħar ġimgħat ħafna pajjiżi Ewropej reġgħu saħħew il-miżuri kontra t-tixrid ta’ SARS-CoV-2 – il-virus li jikkawża l-Covid-19 – wara żieda fin-numru ta’ infezzjonijiet. Tajjeb li jingħad li minkejja ż-żieda fl-infezzjonijiet, in-numru ta’ mwiet baqa’ wieħed stabbli. 

Nhar il-Ħadd li għadda Franza rreġistrat iktar minn 10,000 każ f’ġurnata waħda. Dan kien l-ikbar ammont qatt irreġistrat f’dan il-pajjiż. Fl-Awstrija, il-Kanċillier Sebastian Kurz wissa li pajjiżu jinsab riesaq lejn it-tieni mewġa u għalhekk issaħħew xi miżuri. Fir-Renju Unit, nhar it-Tnejn li għadda, ġew introdotti miżuri fosthom il-projbizzjoni ta’ ġemgħat ta’ iktar minn sitt persuni kemm fil-privat u anke fil-pubbliku. 

Fil-kumment tiegħu Kluge qal li, “dan hu mument fejn il-pajjiżi ma jridux jisimgħu aħbarijiet bħal dawn, u jien nifhimhom.” Huwa żied jgħid li jrid jibgħat messaġġ pożittiv li xi darba jew oħra din il-pandemija se tieqaf, iżda fl-istess waqt hu saħaq li l-vaċċin jista’ ma jkunx dak li jġib din il-pandemija fi tmiemha. Kluge qal li, “jien nisma’ l-ħin kollu li ‘l-vaċċin se jġib fi tmiemha din il-pandemija’; żġur li le! Aħna ma nafux jekk dan il-vaċċin hux se jkun qiegħed jgħin lill- gruppi soċjali kollha. Qegħdin nirċievu messaġġi li fil- preżent il-vaċċin qiegħed jgħin lil ċerti gruppi iktar minn oħrajn.” Kuge temm jgħid li, “it-tmiem tal-pan- demija jkun meta bħala ko- munità aħna nidraw ngħixu mal-pandemija. Kollox jiddependi minna u dan huwa messaġġ pożittiv.” 

Matul il-jum tat-Tnejn u lbieraħ 55 pajjiż fil-WHO kienu qegħdin jiltaqgħu b’mod virtwali biex jiddiskutu l-evoluzzjoni tal-pandemija. 

Sport