Saturday, December 21, 2024

F’pajjiżna hawn 20,187 anzjani jgħixu weħidhom

Aqra wkoll

B’kollox f’pajjiżna hawn 20,187 anzjan u anzjana jgħixu weħdihom fid-djar privati tagħhom. Dan qalbu l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt li kien qiegħed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici.

F’tabella li ġie mpoġġija fuq il-medja tal-kamra, liema figuri ħarġu miċ-ċensiment tal-2021, ħareġ li f’pajjiżna hawn 14,301 anzjan u anzjana li għandhom bejn 65 u 79 sena li jgħixu weħidhom filwaqt li hawn 5,886 anzjan u anzjana li għandhom ‘il fuq minn 80 sena li jgħixu weħidhom.

Għawdex hu l-inqas żona fil-pajjiż li hemm anzjani jgħixu weħidhom fejn skont iċ-ċensiment tal-2021. Dan hu kif hemm 1,981 anzjan u anzjana li jgħixu weħidhom. Dawn huma maqsumin 1,421 li għandhom bejn 65 sena u 79 sena, u 560 anzjan u anzjana li għandhom 80 sena u aktar.

L-aktar żona fil-pajjiż li hemm anzjani jgħixu hija dik tat-Tramuntana Port fejn b’kollox hemm 6,359 anzjan u anzjana jgħixu weħidhom. Dawn li għandhom bejn 65 sena u 79 sena jammontaw għal 4,455 filwaqt li dawk li għandhom 80 sena ‘l fuq u jgħixu weħidhom jammontaw għal 1,904.

Minn din l-istastika ppreżentata lbieraħ fil-Parlament jirriżulta li Tas-Sliema hija l-aktar belt f’Malta li fiha hemm anzjani jgħixu weħdihom. Dan hekk kif skont iċ-ċensiment tal-2021 hemm 1,235 anzjan u anzjana jgħixu weħidhom. 807 minnhom għandhom bejn 65 u 79 sena filwaqt li 428 anzjan u anzjana għandhom ‘il fuq minn 80 sena u jgħixu wegħdihom f’Tas-Sliema.

L-inqas belt li fiha hemm anzjani jgħixu weħidhom hija l-Imdina fejn b’kollox hemm 18-il anzjan u anzjana. 13 minnhom għandhom bejn 65 u 79 sena filwaqt li 5 għandhom 80 sena ‘l fuq.

Jekk wieħed iħares lejn Għawdex hija l-Belt Victoria li fiha hemm l-aktar anzjani jgħixu weħidhom. Dan hekk kif b’kollox hemm 354 anzjan u anzjana weħidhom. 233 minnhom għandhom bejn 65 u 79 sena filwaqt li 121 anzjan u anzjana li jgħixu weħidhom fil-Belt Victoria għadhom 80 sena u aktar.

Ekonomija

Sport