Thursday, April 24, 2025

“Francis dejjem fittex li jibni l-pontijiet ma’ ħaddieħor” – Fr Claude Portelli

Aqra wkoll

Fil-Knisja Parrokkjali tal-Balluta iddedikata lill-Madonna tal-Karmnu imballata bin-nies ingħata l-aħħar tislima l-Aġent Presidnet ta’ Malta, Francis Zammit Dimech, li ħalla din id-dinja nhar it-Tnejn wara nofsinhar, proprju fl-istess jum li mięt Papa Franġisku. 

Preżenti għall-funeral, fost oħrajn kien hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, u rappreżentanti miż-żewġ naħat tal-Kamra, kemm dawk preżenti kif ukoll passati.

Waqt l-omelija tal-funeral, Fr Claude Portelli, Delegat tal-Arċisqof għall-Kultura u Arċipriet tal-Katidral tal-Imdina li jaf sew lil Zammit Dimech b’mod speċjali fl-esperjenza passata tiegħu bħala Kappillan ta’ San Ġiljan, stqarr li Zammit Dimech kien politiku iżda mhux politikant li dejjem fittex li jibni pontijiet ma’ ħaddieħor. Huwa kompla li Zammit Dimech għandu jservi bħala eżempju għal dawk iż-żgħażagħ kollha li jixtiequ jimbarkaw fuq karriera fil-politika. 

Zammit Dimech ġie deskritt minn Fr Claude bħala persuna li dejjem wera rispett lejn kulħadd fosthom bil-preżenza tiegħu f’diversi attivitajiet u meta ma kienx jista’ jattendi, kien dejjem jara li jpatti b’xi mod.

Fr Claude tenna li fil-pożizzjoni tiegħu bħal Delegat tal-Arċisqof għall-Kultura dejjem tah pariri siewja rigward il-kultura – xi ħaġa li Zammit Dimech kien jgħożż u kellu ferm għal qalbu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport