Saturday, October 26, 2024

“Frustrazzjoni … bini li se jeqred lil Għawdex qed ikun deċiż fi żmien qasir”

Il-Kunsill tal-Qala jrid jimblokka permess li ngħata Joseph Portelli għall-bini ta’ pixxina kbira

Aqra wkoll

Is-sindku Laburista tal-Qala, Paul Buttiġieġ f’kumment lil talk.mt iddikjara li jħossu frustrat għax proġetti kbar li se jeqirdu lil Għawdex qed ikunu deċiżi fi żmien qasir u mbagħad proġett bħal dak ta’ Ħondoq ir-Rummien li l-kunsill ilu 20 sena jiġġieled għalih qed ikomplu jittawwal.

Paul Buttiġieġ qalilna li  l-kunsill lokali tal-Qala qed jappella biex permess li ngħata Joseph Portelli għall-bini ta’  pixxina kbira daqs laguna f’żona barra l-iżvilupp jiġi sospiż.

Fi stqarrija, s-sindku tal-Qala Paul Buttiġieġ qal li l-kunsill qed joġġezjona għall-bini ta’ pixxina li se jkun qed testendi f’żona barra l-iżvilupp magħrufa bħala Ta’ Kassia.L-appell sar mat-tribunal għar-reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. L-applikazzjoni ġiet approvat mill-Kummissjoni tal-Ippjanar fuq applikazzjoni li ġiet mitfugħa mill-kumpanija ta’ Portelli Excel Investments Ltd f’Awwissu li għadda.

Portelli qed jibni kumpless residenzjali kontroversjali ta’ 4 sulari fil-Qala li jinkludi 164 appartament, żona għall-pixxina u ġnien kbir.

Il-case officer tal-Planning Authority kien qed jirrakomanda li l-permess għall-pixxina ma jingħatax. Madanakollu, il-kummissjoni tal-Ippjanar għamlu minn tliet persuni approvat l-applikazzjonijiet b’xi tibdil.  

Il-kunsill tal-Qala qal li “huwa ċar li l-Planning Authority hi kompliċi li qed twitti t-triq  għall-bini ta’ żewġ pixxini kbar fl-ODZ u li se jkunu opposti għall-karattru tal-area, waqt li jssaħħaħ ir-reputazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tippermetti żvilupp abbużiv”.

Sport