Tuesday, April 23, 2024

Magħżul rebbieħ fl-ewwel konkors tas-sbuħija wara li kundizzjoni fil-ġilda żammitu milli jagħmel il-pass 

Terence Abela - Rebbieħ Mr Malta 2022

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew ġiet organizzata edizzjoni oħra tal-konkors tal-moda u sbuħija minn Gaffiero Productions taħt il-gwida tad-direttur Ivan Gaffiero. Dan kollu seħħ fi Pjazza Teatru Rjal fil-Belt Valletta, teatru li fih kien hemm jikkompetu 60 parteċipant u li kellhom jintgħażlu Mrs Malta 2022, Mr Malta 2022 u Miss Top Model of the Mediterranean. 

Wara li fil-jiem li għaddew tkellimna mar-rebbieħa ta’ Mrs Malta 2022 Christine Camilleri, dan is-sit ħa ħsieb ukoll li jintervista lil Terence Abela, ġuvni ta’ 27 sena mill-Fgura li għadu kemm rebaħ it-titlu ta’ Mr Malta 2022.  

Sadanittant fit-tieni post spiċċa Sven Pavia minn Marsaskala u Wayne Buhagiar mill-Qawra temm fit-tielet pożizzjoni. 

Din kienet l-ewwel darba li Terence ħa sehem f’konkors bħal dan. Hu mar fuq il-profil personali fuq Facebook sabiex iddeskriva dawk l-emozzjonijiet li għadda minnhom.  

“Sa dalgħodu kont għadni bla kliem. Kienet esperjenza unika, li tibqa’ parti minni għal dejjem. Nixtieq nirringrazzja pubblikament lil Ivan Gaffiero, tal-opportunità li tani, emmen fija mill-ewwel ġurnata li ltqajna u kienet xi ħaġa li mmotivatni iktar.” 

“Nixtieq wkoll nirringrazzja u ngħid proset lil parteċipanti kollha l-oħra, tax-xogħol siewi li għamlu, u jkomplu jaħdmu fuq dan li bnew sal-lum il-ġurnata.  

Ma setetx tkun possibbli mingħajr l-għajnuna ta’ Kurt Pisani u Sue Rossi, kif ukoll l-isponsors tiegħi. Grazzi wkoll lil Tiziana Gaffiero u dawk kollha li b’xi mod għenuni f’dan il-vjaġġ verament sabiħ. Il-familja u l-maħbuba kienu warajja matul il-vjaġġ kollu.”  

Saqsejna lil Terence Abela kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn l-immudellar.

“Fil-verita’ minn dejjem kien jogħġobni l-immudellar. Minn dejjem kont narah affaxxinanti bħala settur. Kelli diversi offerti, anke l-istess Ivan Gaffiero kien ċempilli iżda dejjem irrifjutajt.”

“Barra minn hekk, kelli kundizzjoni fil-ġilda li żammitni xi ftit ‘il bogħod milli nieħu sehem f’xi tip ta’ konkors tas-sbuħija.”

“Madankollu, niftakar li kien għaddieli u Gaffiero reġa’ kkuntattjani u din id-darba ma stajtx ngħidlu le. Dħalt fiha u dak kien l-ewwel pass. Li rbaħha fl-ewwel tentattiv kienet xi ħaġa tal-ħolm.”

“Emozzjonijiet li qatt ma ħassejt qabel”

“Kienet emozzjoni kbira li ħassejt, xi ħaġa unika li qatt ma ħassejtha qabel. Bdejt nibki bil-ferħ x’ħin sirt naf ir-riżultat. Kulħadd ġie jifraħli u rajt rispett kbir mill-kontestanti kollha li dak il-ħin bħal qisna konna qegħdin nikkompetu kontra xulxin.”

Terence qalilna li ħadem qatigħ qabel din il-kompetizzjoni speċjalment f’dawn l-aħħar erba’ xhur fejn tħarreġ sew fuq kif għandu jimxi fuq il-palk.

Abela għandu għal qalbu l-futbol, sport li ma jimmaġinax lilu nnifsu mingħajru.

“Hekk kif għadni qed nilgħab il-futbol, issa qbadt ukoll il-karriera ta’ kowċ ma’ Fgura United FC, raħal twelidi. Għandi ċ-ċertifikat CYF kif ukoll il-UEFA C u dalwaqt se nkun qed nikkowċja tfal li għandhom 11-il sena.”

Nerġgħu nduru fuq l-immudellar. Kif jgħinek fil-ħajja ta’ kuljum?

“L-immudellar jgħinek ħafna sabiex trabbi l-kunfidenza tiegħek u tegħleb ħafna mistħija. Tista’ tgħid li lili l-immudellar għeni ħafna fil-personalità tiegħi.”

Kemm hu importanti li mudell jew mudella jkun sabiħ mhux biss minn barra iżda wkoll minn ġewwa?

“Hu veru li dak li jolqot hu l-għajn minħabba d-dehra iżda nemmen ħafna fis-sbuħija interjuri partikolarment ta’ mudell jew mudella li hu jew hi ġenwina minn ġewwa. Il-mod ta’ kif titkellem tagħti stampa ċara tal-karattru ta’ dak li jkun.”

Terence Abela faħħar il-professjonalità ta’ Ivan Gaffiero speċjalment l-organizzazzjoni li hi waħda impekkabbli. Hu qal li hemm bżonn li f’Malta jkun hemm aktar nies bħalu sabiex il-mudelli jkollhom aktar opportunitajiet fejn jimirħu f’dan is-settur. 

Terence se jkun qed jirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjoni fil-Filippini u bħalissa għandu seba’ mitt sena sakemm jasal dak iż-żmien. Hu qal li se jagħti l-mija fil-mija tiegħu sabiex jagħmel unur lil Malta.

Kif qed jara l-futur tiegħu Terence Abela?

Hu qalilna li jixtieq ikompli jipprogressa fil-moda għax iħoss li jista’ jkompli jitgħallem iktar. Ovvjament ma tistax tinsa l-futbol li se jibqa’ parti minn ħajtu.

Finalment tlabna lil Mr Malta 2022 sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fl-immudellar.

“L-ewwel nett jien nissuġġerixxi liż-żgħażagħ sabiex jidħlu f’dan is-settur li hu tant sabiħ u li jagħtik ħafna sodisfazzjon.”

“Jien tgħallimt ħafna affarijiet kemm ili nieħu sehem fis-settur tal-moda. Bnejt il-personalitá, ħriġt mill-qoxra tiegħi u għamilt ħafna ħbieb.”

“Finalment jekk kemm-il darba tiġikom opportunità bħal din aqbdu u ħuduha għax żgur li tieħdu ħafna tajjeb minnha.”

Sport