Tuesday, January 14, 2025

Ftehim fil-qrib li jkun hemm waqfien mill-ġlied f’Gaza

Aqra wkoll

Negozjaturi qegħdin ikomplu jiltaqgħu fil-Qatar biex jiffinalizzaw ftehim ta’ waqfien mill-ġlied bejn Iżreal u l-Hamas u b’hekk jieqfu l-attakki fuq Gaza.

Uffiċjal ogħli Palestinjan li hu familjari sew man-negozjati li qegħdin isiru qal li għall-ewwel darba minn meta bdiet il-gwerra, delegazzjonijiet minn Iżreal u mill-Hamas qegħdin jitkellmu ma’ xulxin b’mod indirett fl-istess bini fil-Qatar.

Jidher li l-Hamas ċeda t-talba tiegħu li truppi Iżrealiti jitilqu mill-Medda ta’ Gaza u għalhekk jekk ikun hemm ftehim Iżreal se jibqa’ preżenti f’din iż-żona fil-Lvant Nofsani.

Min-naħa tiegħu l-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal ukoll li ż-żewġ naħat qegħdin jaslu fi ftehim u dan jista’ jkun iffirmat fis-sigħat li ġejjin. Biden ikkonferma li kien tkellem mal-Prim Ministru Iżrealit Benjamin Netanyahu kif ukoll ma’ Sheikh Tamim bin Hamad Al-Thani li qiegħed imexxi n-negozjati fil-Qatar.

Il-President Elett tal-Istati Uniti Donald Trump wissa li jekk ma jkunx hemm ftehim sakemm jidħol lura fil-White House se jkun hemm konsegwenza koroh għaż-żewġ naħat.

Jirriżulta li f’dan il-ftehim il-Hamas qabel li jeħles 3 ostaġġi fl-ewwel 3 ijiem minn meta jseħħ il-ftheim, filwaqt li Iżreal jibda bil-mod jirtira t-truppi tiegħu minn żoni residenzjali, iżda xorta waħda se jibqa’ preżenza fiż-żona.

Wara sebat ijiem ta’ waqfien mill-ġlied, il-Hamas jeħles 4 ostaġġi oħrajn, filwaqt li Iżreal iħalli lin-nies imorru lura lejn djarhom f’diveri żoni fil-Medda ta’ Gaza.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport