Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Andy Burnham wissa dwar “deċiżjonijiet diffiċli” fil-Baġit tax-xahar id-dieħel wara li ċ-ċifri wrew żieda inkwetanti fl-inflazzjoni. Il-Prim Ministru attribwixxa din is-sitwazzjoni għat-taqlib fil-Lvant Nofsani, filwaqt li insista li l-ekonomija tar-Renju Unit baqgħet “reżiljenti”.
Burnham qal li r-riskju ta’ żieda qawwija fil-prezzijiet se jingħata attenzjoni “bis-sħiħ” fil-baġit li se jippreżenta l-Kanċillier ix-xahar id-dieħel. Madankollu, huwa rreaġixxa b’mod difensiv u mqanqal meta ffaċċja kritika mingħand l-eks alleat tiegħu, Andy Haldane, dwar in-nuqqas ta’ impenn biex tiġi kkontrollata n-nefqa.
L-eks ekonomista ewlieni tal-Bank of England esprima d-diżappunt tiegħu meta qal lill-istazzjon LBC li s-swieq issa qed jissuspettaw li dan huwa gvern soċjalista tradizzjonali li jgħolli t-taxxi u jonfoq ħafna.
Waqt żjara f’Woking il-bieraħ flgħodu, il-Prim Ministtru Burnham irribatta dak li alleg Haldane u sostna li hu diġà ħa deċiżjonijiet diffiċli f’dan ir-rwol fir-rigward tal-istabbiliment mill-ġdid tal-prijoritajiet fl-infiq tal-Gvern – bħal pereżempju s-sospensjoni tal-proġett tal-identità diġitali – għalhekk mhuwiex minnu li l-Gvern mhux qed jieħu deċiżjonijiet diffiċli. Iddikjara wkoll li l-Gvern tiegħu se jieħu deċiżjonijiet biex jiżgura li l-ekonomija tibqa’ miexja fit-triq it-tajba.
Filwaqt li stqarr li din se tkun sfida qawwija, għax is-sitwazzjoni madwar id-dinja hija waħda prekarja, partikolarment fil-Lvant Nofsani, se jeżamina dawn l-aspetti kollha b’attenzjoni. Dan fil-kuntest li l-Gvern mhux se jieħu riskji bil-livell tal-għajxien tan-nies jew bl-ekonomija kollha kemm hi.
Il-marġni finanzjarju li għandu l-Kanċillier Healey għall-Baġit qed jonqos hekk kif is-swieq qed jgħollu r-rati tal-imgħax fuq id-dejn tal-Gvern. Għalkemm dawn il-kwistjonijiet huma ta’ natura globali, ir-Renju Unit jitqies bħala pajjiż partikolarment vulnerabbli għal dawn il-bidliet.
Hemm min jemmen li l-Kanċillier se jkollu jsib £10 biljun permezz ta’ żidiet fit-taxxa jew tnaqqis fl-infiq biex jibbilanċja l-kontijiet, hekk kif is-sitwazzjoni qed tkompli tmur għall-agħar kuljum.
Ċfri uffiċjali li ħarġu l-bieraħ filgħodu wrew li l-inflazzjoni kienet ta’ 3.1 fil-mija fis-sena sa Awwissu, żieda minn 2.9 fil-mija fix-xahar ta’ qabel. Din iż-żieda kienet konformi mal-aspettattivi, iżda l-ekonomisti ilhom iwissu li dan jista’ jkun il-bidu.
L-ispejjeż tal-enerġija ilhom f’livelli għoljin ħafna, bil-prezz taż-żejt l-Brent Crude jitla għal 108 dollaru kull barmil. Is-sewwieqa diġà qed iħossu l-pressjoni fil-pompi, fejn id-diżil jinsab fl-ogħla livell tiegħu f’erba’ snin.
