Investiment f’faċilità sportiva li se taqdi wkoll lill-iskola u lill-komunità, flimkien ma’ fondi għall-innovazzjoni f’teknoloġija moderna għall-analiżi tal-prestazzjoni sportiva

Aqra wkoll

Ġiet inawgurata r-rinovazzjoni tal-grawnd tal-futbol ta’ San Ġwann wara investiment ta’ madwar €200,000, li wassal għal titjib sostanzjali f’din il-faċilità sportiva li tintuża kemm mill-istudenti tal-iskola primarja biswit, kif ukoll mill-komunità.

Fl-istess waqt, l-investiment fl-isport f’San Ġwann qed jiġi msaħħaħ ukoll permezz tal-innovazzjoni, bil-klabb jibbenefika minn fondi li permezz tagħhom seta’ jinvesti f’apparat modern relatat mal-match analysis. Din it-teknoloġija se tgħin biex tissaħħaħ l-analiżi tal-prestazzjoni u tkompli titjieb il-ħidma teknika mat-timijiet u l-plejers.

Il-grawnd ġie inawgurat mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri u mill-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Il-proġett sar mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ġustizzja, r-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann.

Il-grawnd, li jkopri madwar 4,500 metru kwadru, ingħata dehra u funzjonalità mġedda permezz tal-installazzjoni ta’ turf sintetiku ġdid u s-sostituzzjoni tal-ilqugħ perimetrali. B’dan l-investiment qed titjieb il-kwalità ta’ spazju sportiv importanti, b’mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha li jagħmlu użu minnu.  

Il-Ministru Camilleri qal li l-investiment fil-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel huwa parti mill-ħidma biex l-edukazzjoni tagħti lill-istudenti aktar opportunitajiet biex jiżviluppaw b’mod sħiħ.

“L-edukazzjoni ma sseħħx biss fil-klassi. L-isport għandu rwol importanti fl-iżvilupp sħiħ tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, għaliex mhux biss jgħinhom ikunu attivi, iżda jrawwem fihom valuri bħad-dixxiplina, il-ħidma f’tim u l-perseveranza. Għalhekk irridu nkomplu ninvestu fi spazji sportivi ta’ kwalità li jagħtu lill-istudenti aktar opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet u l-potenzjal tagħhom. B’dan l-investiment qed intejbu faċilità li se tintuża mill-istudenti u fl-istess waqt tibqa’ taqdi lill-komunità, bħala parti mill-esperjenza edukattiva sħiħa li rridu noffru lil uliedna,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Clifton Grima qal li dan il-proġett f’San Ġwann huwa parti minn viżjoni usa’ ta’ investiment f’infrastruttura moderna li tappoġġa stil ta’ ħajja attiv u b’saħħtu.

“Meta ninvestu fl-isport, mhux qed ninvestu biss fl-infrastruttura, iżda wkoll fin-nies u fl-għodod li jgħinuhom jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom. It-tiġdid ta’ dan il-grawnd qed jipprovdi spazju ta’ kwalità għall-komunità, filwaqt li l-investiment permezz tal-fondi għall-innovazzjoni qed jagħti lill-klabb aċċess għal teknoloġija moderna għall-match analysis. Dan huwa eżempju konkret ta’ kif l-innovazzjoni tista’ tintuża fis-settur sportiv biex tappoġġa l-iżvilupp tekniku, ittejjeb l-analiżi tal-prestazzjoni u tgħin lit-timijiet u lill-plejers ikomplu javvanzaw,” qal il-Ministru Grima. 

Il-Kunsillier responsabbli mill-Isport, fi ħdan il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, Trevor Fenech, saħaq fuq l-importanza li l-faċilità għandha għal-lokalità. “Dan il-grawnd ilu għal snin jagħmel parti mill-ħajja sportiva ta’ San Ġwann u jintuża minn tfal, żgħażagħ u persuni mill-komunità tagħna. Illum qed narawh jingħata ħajja ġdida, b’kundizzjonijiet ferm aħjar għal dawk kollha li jagħmlu użu minnu. Dan huwa investiment li se jibqa’ jitgawda mill-komunità tagħna għal snin li ġejjin u li jgħinna nkomplu nħeġġu aktar tfal u żgħażagħ jinvolvu ruħhom fl-isport,” qal Fenech.

Dan il-proġett jifforma parti minn programm usa’ ta’ investiment tal-FTS fil-faċilitajiet sportivi. Matul l-2025, il-Fondazzjoni investiet madwar €1.34 miljun f’faċilitajiet sportivi f’diversi skejjel. Fix-xhur li ġejjin huma ppjanati aktar interventi, fosthom l-installazzjoni ta’ turf sintetiku ġdid fl-Iskola Primarja tal-Fgura u fl-iskejjel sekondarji ta’ Ħad-Dingli, Ħal Kirkop u Santa Luċija. Dawn il-proġetti jinsabu fl-istadju tal-akkwist pubbliku, filwaqt li huwa ppjanat ukoll investiment fil-bini ta’ grawnd ġdid fil-Giovanni Curmi Higher Secondary School fin-Naxxar.

L-investiment f’San Ġwann għalhekk jgħaqqad it-titjib fl-infrastruttura sportiva ma’ investiment fit-teknoloġija u l-innovazzjoni, bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet aħjar kemm għall-parteċipazzjoni fl-isport kif ukoll għall-iżvilupp tekniku u l-prestazzjoni tal-atleti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport