Malta tilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal €3.72 miljun f’appoġġ mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE wara l-maltempata Harry

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, Keith Azzopardi Tanti, laqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu mobilizzati €3.72 miljun għal Malta taħt il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) ħalli jiġu appoġġjati l-isforzi ta’ rkupru wara l-impatt qawwi tal-maltempata Harry f’Jannar tal-2026. Din il-proposta tifforma parti minn pakkett usa’ ta’ €489 miljun għall-Portugall, Spanja, l-Italja u Malta.

Il-Ministru enfasizza li dan l-iżvilupp pożittiv huwa r-riżultat ta’ ħidma estensiva mwettqa mill-awtoritajiet Maltin immedjatament wara l-maltempata, u jsegwi t-talba li Malta għamlet lill-Kummissjoni Ewropea taħt il-mekkaniżmu tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE.

“Dan il-proċess inbeda taħt it-tmexxija tal-predeċessur tiegħi, Dr Stefan Zrinzo Azzopardi, li mexxa l-proċess tas-sottomissjoni tat-talba ta’ Malta lill-Kummissjoni Ewropea wara l-ħsarat estensivi kkawżati mill-maltempata Harry. Nixtieq nirrikonoxxi l-ħidma mwettqa mill-uffiċjali u l-entitajiet kollha involuti fit-tħejjija tal-valutazzjonijiet u d-dokumentazzjoni meħtieġa li ppermettew lil Malta tikseb dan l-appoġġ,” qal il-Ministru Azzopardi Tanti.

Il-maltempata Harry ġabet magħha riħ qawwi, xita qalila, żieda fil-livell tal-baħar u mewġ qawwi li affettwaw komunitajiet madwar Malta u Għawdex, u kkawżaw ħsara sinifikanti fl-infrastruttura pubblika kif ukoll fixklu l-ħajja ta’ kuljum. Il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet l-impatt tal-maltempata meta vvalutat it-talba ta’ Malta.

Il-Ministru Azzopardi Tanti nnota li l-appoġġ propost juri l-valur prattiku tas-solidarjetà Ewropea fi żminijiet ta’ kriżi. “Is-solidarjetà Ewropea mhijiex sempliċiment prinċipju. Hija tipprovdi appoġġ tanġibbli meta l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi straordinarji. Dan il-finanzjament se jgħin lil Malta tirkupra parti mill-ispejjeż li saru biex jiġu indirizzati u rimedjati l-effetti tal-maltempata Harry, filwaqt li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura u l-komunitajiet tagħna.”

Il-Ministru spjegat li l-fondi mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE jistgħu jintużaw biex jgħinu fil-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru, inklużi r-restawr ta’ infrastruttura u servizzi essenzjali li ġarrbu ħsara, operazzjonijiet ta’ tindif, miżuri għal akkomodazzjoni temporanja u interventi mmirati lejn il-ħarsien tal-wirt kulturali u infrastruttura preventiva.

Aktar kmieni din is-sena, Malta kienet diġà rċeviet ħlas bil-quddiem ta’ €931,014 minn dan il-Fond, wara talba li saret skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-EUSF.

Il-proposta tal-Kummissjoni issa se tiġi kkunsidrata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Ladarba tiġi approvata, il-Kummissjoni tipproċedi bil-ħlas tal-bqija tal-ammont dovut lil Malta u lill-Istati Membri l-oħra milquta.

Il-Ministru Azzopardi Tanti reġgħet saħqet fuq l-impenn tal-Gvern li jiżgura li l-opportunitajiet kollha disponibbli ta’ finanzjament Ewropew ikomplu jiġu sfruttati bis-sħiħ għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport