Żgħażagħ minn diversi organizzazzjonijiet u entitajiet ipparteċipaw f’attività organizzata mill-Aġenzija Żgħażagħ, bil-għan li tqarribhom lejn in-natura u ssaħħaħ il-benesseri tagħhom.
L-attività msejħa TerraMar, imtella’ fil-Ġonna Botaniċi tal-Argotti, tat l-opportunità liż-żgħażagħ parteċipanti jesploraw opportunitajiet dwar kif jistgħu jipparteċipaw attivament fil-komunitajiet tagħhom u anke f’pajjiżi oħra Ewropej. L-attività għal dawn iż-żgħażagħ ġiet imfissra bħala ċelebrazzjoni bejn l-art u l-baħar li fiha kompla jiġi promoss il-ħarsien ambjentali, is-sostenibbiltà u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ.
Iż-żgħażagħ li ħadu sehem ingħataw l-opportunità jitgħallmu, jipparteċipaw u jiskopru kif huma stess jistgħu jikkontribwixxu għal aktar protezzjoni lill-ambjent u lill-ekosistemi tal-ibħra.
Diversi għaqdiet u entitajiet li jaħdmu fl-oqsma tal-ħarsien ambjentali, il-konservazzjoni marittima, il-mobbiltà sostenibbli, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-komunitajiet setgħu, permezz ta’ din l-attività, jaqsmu l-esperjenzi tal-ħidma tagħhom f’dawn l-oqsma. Minħabba li l-isfidi ambjentali u s-soluzzjonijiet għalihom ma jolqtux biss lil pajjiżna, l-attività sabet l-appoġġ ukoll tal-Eurodesk, li huwa network ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ.
L-organizzaturi qalu li permezz ta’ din l-attività qed jittamaw li jwasslu għal aktar azzjoni pożittiva favur il-protezzjoni tan-natura, it-tnaqqis fl-iskart, favur aktar appoġġ għal trasport sostenibbli, favur il-volontarjat u biex aktar żgħażagħ jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu fil-komunitajiet tagħhom ħalli jixprunaw bidliet favur dawn it-temi.
Waqt żjara li għamel f’din l-attività, il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Omar Farrugia ltaqa’ ma’ bosta żgħażagħ minn organizzazzjonijiet u entitajiet differenti u esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li jwettqu b’riżq dawn l-inizjattivi ambjentali. Huwa sema’ mingħand iż-żgħażagħ preżenti l-esperjenzi tagħhom fil-ħidma li jwettqu fid-diversi organizzazzjonijiet li pparteċipaw fl-attività.
“TerraMar hi waħda mil-ħafna inizjattivi matul dan ix-xahar tal-Youth Wellbeing Festival fejn qed nagħtu aktar għarfien lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna fuq is-sostenibbiltà u l-ambjent u l-baħar jiġu amalgamati flimkien għal aktar għarfien, pari passu wkoll mal-benesseri tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Inħares ’il quddiem sabiex din il-parteċipazzjoni nkomplu nsaħħuha,” sostna l-Ministru Farrugia.
Il-Kap tal-Youth Empowerment Unit, Maria Borg qalet kif waqt TerraMar, iż-żgħażagħ kellhom l-opportunità jiltaqgħu ma’ diversi organizzazzjonijiet attivi f’Malta sabiex jiskopru l-ħidma tagħhom favur l-ambjent u l-baħar. Borg qalet ukoll li l-idea hi li jressqu kemm jista’ jkun liż-żgħażagħ sabiex isiru jafu dwar opportunitajiet differenti għax l-ambjent u l-baħar jikkontribwixxu wkoll fuq il-benesseri tagħhom.
Aġenzija Żgħażagħ għandha iżjed attivitajiet ippjanati fil-ġimgħat li ġejjin bħala parti mill-Youth Wellbeing Festival. Għal aktar tagħrif żur https://youth.gov.mt.
