Jirritorna ‘F’Casal Fornaro’ – ċelebrazzjoni tal-kultura, it-tradizzjoni u l-identità Maltija

Aqra wkoll

Tħabbar ir-ritorn ta’ ‘F’Casal Fornaro’, attività kulturali li se ssir fit-toroq storiċi ta’ Ħal Qormi nhar il-Ġimgħa 18 u s-Sibt 19 ta’ Settembru 2026, b’ċelebrazzjoni tal-wirt, it-tradizzjonijiet u l-identità Maltija.

L-attività tpoġġi fil-qalba tagħha l-istorja ta’ Ħal Qormi u r-rabta tagħha mal-ħobż u s-sengħa tal-ħami, filwaqt li tgħaqqad il-wirt, l-artiġjanat, il-folklor, il-mużika u l-gastronomija Maltija.

F’Casal Fornaro se tagħti wkoll spazju lill-komunità, lill-artisti, lin-nies tas-sengħa, lill-produtturi u lill-voluntiera biex flimkien jiċċelebraw u jaqsmu l-identità ta’ Ħal Qormi mal-pubbliku.


Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela qal li ‘F’Casal Fornaro’ huwa eżempju mill-aqwa ta’ kif it-turiżmu jista’ jmur lil hinn mill-postijiet u l-attrazzjonijiet tradizzjonali u jressaq lill-viżitaturi eqreb lejn il-qalba tal-komunitajiet tagħna. Kompla li Ħal Qormi għandu storja u identità unika marbuta mal-ħobż, mal-ħami u mat-tradizzjonijiet li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra, u attività bħal din tagħti l-opportunità li din l-istorja tingħex u tinqasam mal-viżitaturi b’mod awtentiku.

“Qed inkomplu nsaħħu mudell turistiku li japprezza l-identità, il-kultura u l-wirt tagħna, filwaqt li joħloq opportunitajiet għall-artisti, għall-produtturi, għan-negozji u għall-komunitajiet lokali. B’hekk, it-turiżmu jsir mezz biex napprezzaw dak li jagħmilna Maltin, filwaqt li noffru lill-viżitaturi esperjenzi memorabbli”, temm jgħid il-Ministru Abela.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkompli ssaħħaħ ir-rabta bejn il-kultura u l-komunità, filwaqt li tkompli tippromwovi l-wirt kulturali bħala parti minn esperjenza li tista’ titgawda kemm mill-familji Maltin u Għawdxin kif ukoll mill-viżitaturi barranin.

Din mhux biss attività, imma proġett li jgħaqqad flimkien il-kultura, il-komunità, it-turiżmu u l-ekonomija lokali, filwaqt li jqiegħed l-identità Maltija fil-qalba tiegħu.


Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea qal li inizjattivi bħal ‘F’Casal Fornaro’ jirriflettu l-viżjoni tal-Gvern li l-kultura tkun aċċessibbli u preżenti fil-qalba tal-komunitajiet. “Bħala Gvern irridu kultura li tkun qrib in-nies u li tasal fil-bliet u l-irħula tagħna. ‘F’Casal Fornaro’ huwa eżempju sabiħ ta’ kif nistgħu nieħdu l-wirt li writna mingħand ta’ qabilna u nagħtuh ħajja ġdida. Meta ninvestu fit-tradizzjonijiet, fis-snajja’, fl-artisti u fil-komunitajiet tagħna, inkunu qed ninvestu fl-identità tagħna bħala poplu u niżguraw li dak li jagħmilna Maltin jibqa’ ħaj u relevanti għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal il-Ministru Agius Galea.

L-attività qed tittella’ bl-appoġġ ta’ VisitMalta, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, il-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta permezz tal-iskema Rock’N Malta, kif ukoll Ministeri, entitajiet pubbliċi u diversi kumpaniji privati.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport