Rapporti fil-midja lokali qed jirrapportaw li persuna li serva bħala ġurat ta’ riserva fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, qed jiġi mitkellem mill-Pulizija
Dan wara li lbieraħ ħareġ li tliet persuni li servew bħala ġurati fl-istess ġuri ukoll ġew mitkellma mill-Pulizija. Fi stqarrija, il-Pulizija għamlet appell sabiex tinżamm kawtela u prudenza fir-rapurtaġġ u sabiex jiġu evitati spekulazzjonijiet li jistgħu jippreġudikaw l-investigazzjoni li għaddejjin.
Fl-istess stqarrija, il-Pulizija ċċarat li l-investigazzjoni hija marbuta mal-ġurament meħud mill-ġurati qabel il-bidu tal-ġuri.
Il-Pulizija żiedet tgħid li l-investigazzjoni tal-Pulizija hija ffokata esklussivament fuq dawn id-dikjarazzjonijiet, speċifikament fuq kummenti pubbliċi li wħud mill-ġurati setgħu allegatament għamlu qabel beda l-ġuri u mhux fuq xi teorija jew allegazzjoni oħra li setgħet ġiet irrapportata fil-midja.
