Is-sistema tal-poter fir-Russja spiss tissejjaħ “demokrazija ikkontrollata” fejn huwa l-Kremlin li jmexxi l-affarijiet kollha. Dan ifisser setgħat enormiu bla qies għall-president u ftit li xejn sorpriżi politiċi.
L-elezzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa li ġej mistennija twassal għal parlament ieħor iddominat mill-partit fil-gvern, “Russja Magħquda” (United Russia), u minn grupp ta’ membri parlamentari lealissmi lejn il-president Vladimir Putin.
Il-kritiċi jwarrbu dan il-vot billi jqisuh bħala li mhux ħieles u lanqas ġust. Iżda l-Kremlin ma jimpurtahx minn dak li jgħidu l-kritiċi. Għall-Kremlin, l-elezzjoni ta’ 450 deputat għall-kamra t’isfel tal-parlament, id-Duma, hija importanti. Din hija l-ewwel elezzjoni parlamentari li qed issir mindu r-Russja wettqet l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna.
Aktarx li l-Kremlin se juża din l-elezzjoni biex isostni li l-biċċa l-kbira tar-Russi jappoġġjaw lill-president u huma favur il-gwerra, kif ukoll biex jimbotta l-karrieri politiċi ta’ suldati li rritornaw mill-Ukrajna li l-awtoritajiet jgħidu li kważi mitejn veteran tal-gwerra qed jipparteċipaw fl-elezzjoni.
Fir-rigward tal-kampanja elettorali, din tat ħarsa lejn is-soċjetà Russa wara erba’ snin u nofs ta’ gwerra. “Il-partiti kollha fid-Duma, kull wieħed u waħda minnhom, ivvutaw favur 170 liġi biex jappoġġjaw l-operazzjoni militari speċjali,” skont ma qal Gennady Zyuganov, il-mexxej tal-Partit Komunista, b’referenza għall-aħħar parlament.
L-elezzjonijiet fil-Punent u dawk fir-Russja huma affarijiet differenti għalkollox. L-elezzjonijiet fil-Punent huma mezz kif jiġi ifformat gvern, li mbagħad jinbidel jekk il-votanti ma jkunux sodisfatti bih. L-elezzjonijiet fir-Russja qatt ma jwasslu għal bidla fil-gvern tant li l-poter fir-Russja qatt ma nbidel minħabba elezzjoni.
L-awtoritajiet Russi jisħqu li l-elezzjonijiet għall-parlament huma trasparenti u ġusti. Izda l-kritiċi tal-proċess elettorali jindikaw li l-politiċi tal-oppożizzjoni ġew sfurzati jmorru fl-eżilju jew intefgħu l-ħabs.
Is-sena l-oħra, wieħed mill-mexxejja ta’ grupp indipendenti u prominenti li jimmonitorja l-elezzjonijiet fir-Russja ġie kkundannat ħames snin ħabs. Grigory Melkonyants instab ħati tal-akkuża li ħadem ma’ organizzazzjoni mhux mixtieqa. Minn dakinhar, il-grupp tiegħu li jimmonitorja l-elezzjonijiet, Golos, waqaf jopera.
Alexei Navalny kien l-aktar mexxej prominenti tal-oppożizzjoni fir-Russja u kritiku ewlieni tal-president Putin u tal-Kremlin. Huwa “miet” fil-ħabs fl-2024 wara li kien instab ħati ta’ diversi akkużi, fosthom l-estremiżmu.
