Għal aktar minn tliet deċennji, timijiet mediċi Ċiniżi offrew servizzi ta’ mediċina tradizzjonali Ċiniża f’Malta, b’kooperazzjoni li ssawret wara l-ewwel ftehimiet bilaterali ffirmati aktar minn 50 sena ilu. Fost is-servizzi offruti fiċ-Ċentru Reġjonali tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża tal-Mediterran f’Raħal Ġdid, kif ukoll fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hemm l-acupuncture u t-tuina. Il-ħidma tinkludi wkoll konsultazzjonijiet mingħajr ħlas fil-komunità, taħriġ u attivitajiet li jqajmu għarfien dwar is-saħħa.
Dan il-kontribut ġie rikonoxxut waqt laqgħa li kellu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg flimkien mal-21 tim mediku Ċiniż, immexxi minn Dr Zhang Xiusheng, li qed itemm il-missjoni tiegħu f’pajjiżna, u mat-22 tim, immexxi minn Dr Chen Dong, li se jkompli din il-ħidma. Għal-laqgħa li saret propju ġewwa ċ-Ċentru Reġjonali tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża tal-Mediterran attenda wkoll l-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta, Zhang Zuo.
Mill-1993, it-timijiet mediċi Ċiniżi taw is-servizzi tagħhom lil ’il fuq minn 270,000 pazjent f’pajjiżna, permezz ta’ 21 tim mediku magħmul minn total ta’ 126 professjonist. Fid-dawl ta’ dan, Dr Borg saħaq li s-saħħa tibqa’ pilastru importanti ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u rringrazzja lit-tim mediku li qed itemm il-missjoni tiegħu u lil dawk kollha li ġew fis-snin preċedenti, filwaqt li awgura lit-tim il-ġdid kull suċċess fil-ħidma tiegħu f’pajjiżna.
“Din il-kooperazzjoni tirrifletti ħbiberija li tul is-snin issarrfet f’servizz lin-nies. Nirringrazzjaw lit-tim li qed itemm il-missjoni tiegħu għad-dedikazzjoni u l-impenn tiegħu lejn il-pazjenti tagħna. Nilqgħu wkoll lit-tim il-ġdid u nħarsu ’l quddiem biex inkomplu naqsmu l-għarfien u l-esperjenzi, bil-benesseri tal-pazjenti dejjem fiċ-ċentru. Inħares ’il quddiem għal aktar kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tagħna,” qal Dr Borg.
Dr Zhang Xiusheng, it-tabib li mexxa l-21 tim mediku Ċiniż f’Malta, semma wkoll l-iżvilupp ta’ kliniċi speċjalizzati, fosthom dik għall-uġigħ ta’ ras, imnedija f’April u esprima s-sodisfazzjon tiegħu li, matul l-aħħar sena, it-tim ipprovda servizzi lil aktar minn 6,000 resident.
Dan kompla jibni wkoll fuq il-ftehim ta’ kollaborazzjoni ffirmat f’Diċembru li għadda mal-Gvern Malti, permezz tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC), li jinkludi inizjattivi komunitarji bħall-kliniċi mobbli, attivitajiet ta’ benesseri fiċ-ċentri għall-anzjani, taħriġ professjonali u skambji kulturali.
