Il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) li jkopri l-perjodu 2020-2024.
Minbarra titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż il-pagi u allowances ġodda, il-ftehim jinkludi wkoll opportunitajiet biex il-ħaddiema jingħataw aktar taħriġ u jimxu ‘l quddiem fil-karrieri rispettivi tagħhom. Għal dan il-għan, mistenni jitnieda fond speċifiku għat-taħriġ tal-ħaddiema. Apparti minn hekk, qiegħda tingħata importanza għall-benesseri tal-ħaddiema billi se jkunu introdotti study leave u sports leave fost oħrajn.
Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin u x-shop steward John Attard. F’isem il-GHRC iffirma l-Kap Eżekuttiv Gino Cauchi. L-iffirmar sar fil-preżenza tal-President tal-GWU Victor Carachi u ċ-Ċermen tal-GHRC Anthony Agius Decelis.
F’kumment li tat lil dan il-ġurnal, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Professjonisti, Finanzi u Servizzi qalet li dan huwa l-ewwel ftehim kollettiv iffirmat wara li l-GWU kisbet ir-rikonoxximent ewlieni f’din il-Korporazzjoni.
Darmanin żiedet tgħid li l-ħidma wara dan il-ftehim kollettiv ilha għaddejja diversi xhur, liema ftehim kien approvat b’mod unanimu mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni. Hija temmet tirringrazzja lill-Kumitat tal-GHRC u anke lir-rappreżentant tal-ħaddiema tas-sehem tagħhom biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim.