Tuesday, April 30, 2024

Investiment ta’ €400,000 f’dawl ġdid għall-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Bambina tan-Naxxar

Aqra wkoll

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) se tinvesti €400,000 fi proġett li jikkonsisti f’disinn u f’installazzjoni ġdida ta’ dawl mal-faċċata tal-Knisja Kolleġġjata ta’ Marija Bambina fin-Naxxar.

Ix-xogħlijiet mistennija jsiru fuq il-faċċata ewlenija, l-erba’ kampnari kif ukoll l-elevazzjonijiet tal-ġenb. Dan il-proġett huwa ddisinjat b’mod li jippermetti l-leġġibilità arkitettonika tal-knisja.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg u tal-Arċipriet tal-Knisja Kolleġġjata Marija Bambina Dun David Gauci. 

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li dan l-investiment huwa turija ċara ta’ kemm dan il-gvern qed iħares lejn futur turistiku li minnu jgawdi kulħadd. 

“It-turiżmu ma jridx ikun biss assoċjat max-xemx u mal-baħar imma għandna l-opportunità li permezz tan-niċeċ ġodda, fosthom it-turiżmu reliġjuż, nuru lit-turisti t-tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi tal-ibliet u tal-irħula lokali kollha”. 

Huwa żied jgħid li l-investiment infrastrutturali jibqa’ kruċjali biex pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-kompetittività tiegħu fid-dinja tal-ospitalità.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg qal li l-MTA, flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, ftit tax-xhur ilu ħabbret sensiela ta’ proġetti li bħalissa jinsabu għaddejjin, intiżi sabiex isaħħu n-niċċa tat-turiżmu reliġjuż, liema proġetti fost l-oħrajn huma marbuta mat-tlestija tal-mużew parrokkjali fin-Naxxar, sabiex ikun jista’ jitgawda kemm mill-Maltin u anke mit-turisti. 

“Bi pjaċir illum qe inwelldu proġett ieħor fejn se naraw li ż-żona taz-zuntier tal-Kolleġġjata tan-Naxxar tingħata libsa ġdida li tikkumplimenta d-diversi attrazzjonijiet li jinsabu f’din iż-żona,” temm jgħid is-Sur Johann Buttigieg. 

Sport