Monday, December 23, 2024

Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-MIA

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim konġunt bejn il-General Workers’ Union (GWU) u l-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) li se jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż il-pagi, għall-ħaddiema tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA). Dan il-ftehim ikopri l-perjodu ta’ ħames snin, sas-sena 2027.

F’isem l-MIA ffirmaw il-Kap Eżekuttiv Alan Borg, iċ-Chief Financial Officer Karl Dandler u l-Kap tal-HR u Strateġija Tina Lombardi. F’isem il-GWU ffirmaw Sandro Vella – Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni, Charles-Kevin Abela – Assistent Segretarju tat-Taqsima u Noel Vassallo u Anthony Zammit bħala rappreżentanti tal-ħaddiema. Għall-UĦM iffirmaw id-Direttur Mario Sacco u l-Manager tar-Relazzjonijiet tal-Impjiegi Peter Cutajar.

Fil-kummenti tiegħu ma’ L-Orizzont, il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg fisser din il-ġurnata bħala waħda importanti ħafna għall-ajruport u l-ħaddiema kollha tiegħu. Huwa qal li dan il-ftehim se jagħti stabbilità għall-ħames snin li ġejjin filwaqt li se jagħti wkoll benefiċċji aħjar għall-impjegati kollha.

“Għaddejna minn żmien diffiċli ħafna minħabba l-pandemija. Issa qed naraw l-investiment tagħna jikber. Għalhekk se nkomplu ninvestu fin-nies tagħna biex inkomplu nagħtu servizz aħjar u nkabbru l-operat tagħna. Nirringrazzja lill-GWU u l-UHM tal-koperazzjoni tagħhom f’dan in-negozjati,” qal is-Sur Borg.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Marittima u Avjazzjoni Sandro Vella esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv li se jkompli jibni fuq dak ta’ qablu. “Irnexxielna nagħmlu ftehim mal-kumpanija f’isem il-ħaddiema membri tal-unjin għall-ħames snin li ġejjin, wara pandemija li laqtet ħażin ħafna s-settur tal-avjazzjoni. Kburin li grazzi għal dan il-ftehim se jkun hemm żidiet fil-pagi u anke titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-ħaddiema jistgħu jħarsu ‘l quddiem għal dawn il-ħames snin u jgawdu minn dawn il-kundizzjonijiet ġodda,” qal is-Segretarju Vella.

Ekonomija

Sport