Tuesday, April 23, 2024

Ftehim Kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Vessel Traffic Services fi ħdan Transport Malta

Aqra wkoll

Ġie ffirmat Ftehim Kollettiv ġdid bejn it-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) u l-Vessel Traffic Services fi ħdan Transport Malta. Il-ftehim, li jkopri l-perjodu 2021-2027, kien deskritt bħala rebħa għall-ħaddiema tal-VTS hekk kif qed iħossu li fl-aħħar saret ġustizzja magħhom billi se jibdew igawdu mill-istess salarji u benefiċċji bhall-ħaddiema li huma fl-istess grad tagħhom fi Transport Malta.

Permezz ta’ dan il-ftehim ix-xogħol tal-ħaddiema tal-VTS se jibda jitqies bħala xogħol speċjalizzat. Kien għalhekk li minbarra titjieb fil-pakkett finanzjarju, il-ħaddiema se jingħata opportunitajiet ġodda li jipproggressaw fil-karriera tagħhom.

Il-Ftehim Kollettiv kien iffirmat minn Riccarda Darmanin, Segretarju Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU u Anthony Mansueto bħala rappreżentant tal-Impjegati, filwaqt li min-naħa ta’ Transport Malta ffirmaw il-Kap Eżekuttiv il-Kurunell Mark Mallia u ċ-Chairman Michael Callus.

Riccarda Darmanin, f’isem il-GWU rringrazzjat lill-Maniġment ta’ Transport Malta kif ukoll lid-Dipartiment tal-People & Standards li fehmu kemm kien importanti li dan il-ftehim kollettiv jaghti dak li hu xieraq lill-ħaddiema. 

“Nixtieq nieħu l-opportunità biex inrodd ħajr lill-membri għas-sapport u l-fiduċja li dejjem tawna u li dejjem sibnihom warajna, speċjalment lir-rappreżentant Anthony Mansueto li bl-esperjenza twila tiegħu kien katalist f’dawn in-negozjati li ntemmu b’suċċess għall-benefiċċju tal-istess ħaddiema,” qalet Riccarda Darmanin.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett u s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Il-Ministru Bonett stqarr li permezz ta’ dan il-Ftehim Kollettiv se jkompli jsir titjieb fis-salarji u l-benefiċċji ta’ dawn il-ħaddiema. Qal li huwa fl-interess tiegħu li l-ħaddiema jaħdmu f’ambjent seren u kundizzjonijiet tajbin.

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja stqarr li dan huwa Ftehim Kollettiv ieħor li ffirmat il-General Workers’ Union li juri l-professjonalità fin-negozjati u kif din tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-membri tagħha.

“Nemmnu li l-ħaddiema jeħtieġ li jkunu apprezzati fuq il-post tax-xogħol u li nagħtu motivazzjoni biex ikomplu jżidu l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom.”

Sport