Tuesday, December 24, 2024

Ftehim li se jfisser opportunitajiet akbar għal Special Olympics Malta

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-Ministru Clifton Grima u l-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela ppresedew fuq l-iffirmar ta’ ftehim ġdid bejn SportMalta u Special Olympics Malta li se jwassal biex SportMalta tgħaddi €600,000 lil Special Olympics Malta fuq perjodu ta’ tliet snin.

Dan il-ftehim se jkun qed jgħin lill-atleti ta’ Special Olympics Malta biex ikunu jistgħu jkomplu jipparteċipaw fil-Logħob Internazzjonali tal-Olimpjadi Speċjali u anke f’training camps barra minn xtutna. Barra minn hekk, permezz ta’ dawn il-fondi, Special Olympics Malta se tinvesti f’kits u apparat li jkollha bżonn minn żmien għal żmien.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ. Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar is-sinerġija bejn il-Ministeru u entitajiet li permezz tagħha qed ikun hemm benefiċċju għal diversi setturi tas-soċjetà, f’dan il-każ Special Olympics Malta. “Din il-kollaborazzjoni qed tgħin u qed tħalli l-frott tagħha, tant li fl-aħħar snin l-atleti ta’ Special Olympics kisbu diversi suċċessi kemm fuq livell sportiv, anke fil-fora internazzjonali, kif ukoll fuq livell uman u personali fejn jintlaħaq l-iżvilupp sħiħ tal-persuna”, qal il-Ministru Grima.

Il-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela fissret il-ftehim issiġillat bħala wieħed li jsaħħaħ l-inklużjoni fl-isport. Mart il-Prim Ministru Dr Abela spjegat kif il-ftehim bejn Special Olympics Malta u Sport Malta mhux biss se jgħin finanzjarjament iżda se jsaħħaħ l-għodda meħtieġa lil min iħarreġ l-atleti ta’ Special Olympics. Hija sostniet li l-atleti, li huma wkoll ambaxxaturi Maltin, jeħtieġ ma jistriħux fuq is-suċċessi miksuba fl-aħħar snin iżda jħarsu ’l quddiem u jkomplu jaħdmu qatigħ biex jiksbu aktar.

Dr Lydia Abela rringrazzjat kemm lil Sport Malta u lill-Ministeru responsabbli mill-isport tal-appoġġ u filwaqt li sellmet lill-ġenituri tal-atleti u lil dawk li jaħdmu b’risq Special Olympics Malta, qalet li din l-għaqda hi komunità b’saħħitha li toħroġ valuri sbieħ sportivi.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar tkellem dwar il-ħidma diversa li hemm bejn SportMalta u Special Olympics. “L-impjegati ta’ SportMalta huma kommessi li jgħinu lil Special Olympics Malta fl-avvenimenti li jiġu organizzati, apparti li bħala entità, nagħtu għajnuna varja, fosthom dik finanzjarja lill-coaches għas-sessjonijiet li jkollhom mal-atleti ta’ Special Olympics”, qal Cutajar.

Ekonomija

Sport