Wednesday, April 24, 2024

Ftehim ta’ €2.9 miljun għal servizzi speċjalizzati lil 33 persuna b’diżabilitajiet profondi

Aqra wkoll

Permezz ta’ tiġdid ta’ ftehim bejn Aġenzija Sapport u l-Fondazzjoni Inspire, b’valur ta’ €2.9 miljun, il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat se jkun qiegħed jipprovdi servizzi speċjalizzati ta’ matul il-jum lil 33 persuna b’diżabilitajiet profondi (‘profound multiple learning disabilities’) li għandhom bżonnijiet aktar kumplessi.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat li minn din il-ġimgħa daħal fis-seħħ l-ogħla baġit li qatt ingħata lis-settur tad-diżabilità, b’baġit dirett ta’ €50 miljun. Hi saħqet li din is-sena l-gvern se juri bil-fatti kemm jemmen fid-diżabilità u fl-importanza li jwieżen dan is-settur.

Dwar dan il-ftehim, il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li dan qed isir fuq medda ta’ tliet snin u qed jiġi mġedded b’żieda konsiderevoli ta’ €1.1 miljun mill-investiment preċedenti, kif ukoll b’żieda fil-persuni b’diżabilità li se jibbenefikaw minn dawn is-servizzi. Barra minn hekk, il-Ministru Farrugia Portelli qalet li se jkun hemm żieda fis-sigħat fil-ġimgħa tas-servizzi li se jkunu qegħdin jingħataw.

Fil-fatt, dan il-programm ta’ matul il-jum se jkun qiegħed jilħaq 33 persuna, liema żieda se ssir gradwalment minn 29 persuna – kemm kien ikopri l-ftehim preċedenti. Permezz tal-ftehim, se jiżdiedu wkoll is-sigħat ta’ servizzi fil-ġimgħa għal kull klijent minn 25 siegħa għal 30 siegħa.

Dwar il-persuni b’diżabilità li se jibbenefikaw minn dan il-ftehim, il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dawn, “se jiġu assessjati minn tim ta’ professjonisti fi ħdan Aġenzija Sapport u se jitħejja pjan personalizzat għal kull individwu, f’kollaborazzjoni ma’ professjonisti multi-dixxiplinarji fi ħdan il-Fondazzjoni Inspire. Dan il-pjan se jiġi mħejji flimkien mal-persuna b’diżabilità, bl-involviment ukoll tal-qraba jew il-gwardjani legali tal-persuna. Dawn il-pjanijiet jiġu riveduti u aġġornati regolarment sabiex ikun assigurat li s-servizz mogħti jilħaq il-bżonnijiet tal-persuna, anke jekk dawn jinbidlu minn żmien għal żmien.”

Aġenzija Sapport, permezz tal-professjonisti fi ħdanha, se tkun qiegħda twettaq monitoraġġ sabiex tassigura li dawn il-pjanijiet personalizzati jkunu qegħdin jiġu implimentati u li jkunu qegħdin jilħqu l-miri, l-abbiltajiet u l-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità. Barra minn hekk, se tiżgura li s-servizz ikun qed jingħata minn binja b’faċilitajiet u apparat adegwati u li jilqgħu l-bżonnijiet tal-klijenti.

Permezz ta’ dan il-programm, il-Fondazzjoni Inspire tara li tipprovdi ambjent li jippromwovi interazzjoni bejn il-persuni b’diżabilità filwaqt li tindirizza d-diffikultajiet fiżiċi ta’ dawn il-persuni. Fl-istess waqt jingħata spazju għal rilassament u jitwasslu programmi multi-sensorjali.

Fuq kollox, il-Fondazzjoni Inspire se tkun kommessa li tagħti servizz skont l-istandards maħruġa mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali u li r-rata ta’ impjegati mal-persuni b’diżabilità tiġi ddeterminata skont il-bżonnijiet ta’ kull każ, ladarba jsir l-assessjar meħtieġ.

Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella saħaq dwar kif dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn is-Servizz Pubbliku u għaqdiet mhux governattivi. Qal li għaldaqstant, minflok nirreplikaw is-servizzi, qed insostnu l-ħidma sfiqa li ssir minn għaqdiet mhux governattivi sabiex ikompli jiġi żgurat servizz ta’ kwalità għall-persuni b’diżabilità.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras enfasizzat l-importanza ta’ kollaborazzjonijiet bħal din bejn l-aġenzija nazzjonali u l-Fondazzjoni Inspire. “B’hekk, persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għal firxa usa’ ta’ servizzi, f’dan il-każ, servizz speċjalizzat għal persuni b’diżabilità profonda.”

Is-Sinjura Sciberras żiedet tgħid li bħala parti mill-impenn tal-Aġenzija li tagħti sostenn lil aktar nies, dan il-ftehim ġdid issa ser ikun qed jilħaq aktar persuni b’aktar sigħat ta’ servizz fil-ġimgħa, anke għax temmen li l-qraba għandhom bżonn aktar sostenn fil-kura ta’ uliedhom b’diżabilità.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire Antonello Gauci spjega kif il-programm Star jipprovdi attenzjoni speċjalizzata lil żgħażagħ, irġiel u nisa li għandhom diżabilitajiet profondi. Hu qal li permezz ta’ dan il-programm qegħdin jintlaħqu l-bżonnijiet individwali tal-klijenti, billi jkunu involuti flimkien ma’ tim multi-dixxiplinarju ta’ professjonisti li jipprovdulhom ambjent terapewtiku ta’ appoġġ għall-iżvilupp u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-għanijiet li qegħdin jaħdmu għalihom. Is-Sur Gauci qal li bħall-programmi l-oħra li toffri l-Fondazzjoni, Star jagħmel differenza ta’ kuljum fil-ħajjiet ta’ dawn il-persuni b’diżabilità. Wera wkoll l-apprezzament tiegħu għall-appoġġ li jingħata minn kulħadd biex bħala Fondazzjoni jkomplu joffru dawn il-programmi professjonali speċjalizzati lill-klijenti tagħhom.

Sport