Tuesday, March 4, 2025

Ftehim ta’ paċi fil-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna għadu ’l bogħod

L-Istati Uniti tissospendi l-għajnuna militari lill-Ukrajna

Aqra wkoll

Dikjarazzjoni li għamel il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky illi ftehim biex tintemm il-gwerra mar-Russja kien “bogħod ħafna” qanqlet rispons furjuż mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump tant li f’kitba fuq il-midja soċjali, Trump akkuża lil Zelensky li ma jridx il-paċi. Huwa qal ukoll li l-għajnuna Amerikana lil Ukrajna ma kinitx se ttul aktar.

Mexxejja ewlenin Ewropej waqt summit f’Londra nhar il-Ħadd li għadda qablu fuq pjan ta’ erba’ punti biex jiggarantixxu d-difiża u s-sigurtà tal-Ukrajna f’każ li jkun hemm ftehim ta’ paċi mar-Russja.

Is-summit Ewropew – ospitat mill-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer – kien maħsub bħala turija ta’ appoġġ għall-Ukrajna u tentattiv biex jitnaqqsu d-differenzi u d-diviżjoijiet bejn il-pajjiżi tal-Punent dwar l-Ukrajna.

Ir-Renju Uniti u Franza qalu li qed jaħdmu fuq soluzzjoni mmexxija mill-Ewropa għall-kunflitt. Madankollu, wara l-laqgħa, Zelensky qal li ftehim biex tintemm il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja kien għadu ‘l bogħod ħafna.

Zelensky żied jgħid li kien jistenna li l-Istati Uniti jkomplu jappoġġjaw lill-Ukrajna minkejja li r-relazzjonijiet tiegħu ma’ Trump aggravaw f’dawn l-aħħar jiem. Iżda nhar it-Tnejn, Trump wieġeb billi tenna l-fehma tiegħu li Zelensky kien xkiel għan-negozjati għall-paċi.

Trump qies din bħala l-agħar dikjarazzjoni li setgħet saret minn Zelensky, u qal l-Amerika mhux se tkompli bl-għajnuna tagħha għal żmien itwal. Fuq il-midja soċjali huwa saħansitra akkuża lil Zelensky li ma jridx li jkun hemm paċi, sakemm ikollu l-appoġġ tal-Amerika.

Waqt briefing tal-aħbarijiet aktar tard nhar it-Tnejn, Trump għal darb’oħra qal li Zelensky għandu japprezza aktar l-għajnuna li rċieva mill-Istati Uniti fit-tliet snin mill-invażjoni sħiħa tar-Russja tal-Ukrajna.

Waqt il-konfront ma’ Zelensky quddiem il-cameras fil-White House, kemm Trump kif ukoll il-Viċi President tal-Istati Uniti JD Vance esprimew ir-rabja għal dak li ħassew bħala n-nuqqas ta’ gratitudni minn Zelensky.

Dan l-iskambju fil-White House fisser li ftehim li jagħti lill-Istati Uniti aċċess għad-depożiti tal-Ukrajna ta’ minerali rari tal-art tħalla mhux iffirmat.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tiegħu nhar it-Tnejn iżda, Trump qal li ma jemminx li l-ftehim kien “mejjet”. Huwa żied li se jipprovdi aġġornament dwar il-ftehim tal-minerali tard it-Tlieta.

Wara s-summit ta’ Londra, ir-Renju Unit u Franza ssuġġerew “koalizzjoni Ewropea” biex tiddefendi lill-Ukrajna u biex tiżgura li r-Russja ma terġax tinvadi wara ftehim ta’ paċi.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer qal li l-idea li jintbagħtu truppi fl-Ukrajna kellha l-appoġġ ta’ diversi gvernijiet, iżda kien attent li jħalli f’idejn pajjiżi individwali biex jiddiskutu l-kwistjoni internament. Il-pajjiżi Skandinavi wrew li kienu miftuħa għall-idea.

Il-mossi Ewropej isegwu u-turn tal-politika tal-Istati Uniti taħt il-President Trump li ikkawża rabja fost l-alleati tal-Punent billi qal li jafda lil Putin, akkuża lil Zelensky li hu dittatur u saħansitra qal li l-Ukrajna bdiet il-gwerra, mhux ir-Russja.

Sadanittant, fi żvilupp ieħor li seħħ ilbieraħ, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump iddeċieda li jissospendi l-għajnuna militari lill-Ukrajna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport