Wednesday, April 24, 2024

Futsal: Luxol miżmuma fi draw minn Swieqi

Aqra wkoll

Luxol u Swieqi United spiċċaw fi draw spettakolari ta’ 3-3 f’logħba ferm mistennija mill-Enemed Futsal League.

Kienet logħba bejn l-ewwel żewġ timijiet fil-klassifika u li attirat pubbliku numeruż lejn il-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke.

Il-bidu kien kollu ta’ Luxol li stabilixxew vantaġġ tajjeb ta’ 3-0 bi Swieqi li għall-bidu sabuha diffiċli jrażżnu l-plejers avversarji.

Kien Marwan Telisi li fetaħ l-iskor għat-tim minn St Andrews b’Mark Zammit u Celino Alves iżidu tnejn oħra qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, Swieqi bdew ikunu perikolużi bl-aħħar sitt minuti logħob li kienu determinanti għalihom.

Kien l-akkwist il-ġdid tagħhom Santiago Gutierrez li naqqas il-marġni tal-iskor b’Dylan Pirotta li skorja t-tieni gowl.

Ftit sekondi qabel tmiem il-logħba kien il-goalkeeper Brandon Debono li ħareġ minn postu u ħa ballun tajjeb minn azzjoni ta’ corner sabiex skorja l-gowl tad-draw drammatiku.

Ta’ Xbiex irritornaw għar-rebħ u ngħaqdu ma’ Luxol u Swieqi fil-quċċata wara li għelbu lil Fgura 9-0. Dylan Musu kien ta’ ispirazzjoni għar-rebbieħa meta skorja erba’ gowls bi Stefi Cale jiskorja doppjetta. Liam Caruana, Karl Sciortino u awtogowl jgħaqqdu l-iskor għar-rebbieħa.

L-Universita’ ta’ Malta baqgħu jissieltu sabiex jiksbu post fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika meta għelbu lit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena 5-2.

Steven Camilleri, Aaron Montebello, Andre Cachia, Jean Noel Azzopardi u Shataizan Zarb skorjaw għall-Universitarji biż-żgħażagħ Maltin inaqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Mason Agius u Collin Sammut.

St George’s komplew bil-mument brillanti tagħhom wara li għelbu lil Marsaskala 5-3 f’logħba ferm kumbattuta.

Minkejja r-rebħa, il-Bormliżi xejn ma sabuha faċli kontra l-Iskalin li baqgħu fil-logħba sal-aħħar minuti.

Karl Luke Schembri skorja doppjetta filwaqt li Jovica Milijic, Claudio Venuto u Vuk Rankovic ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorer għal St George’s.

Marsaskala skorjaw il-gowls tagħhom minn doppjetta ta’ Craig Pickard u Amir Ashtyani.

Żurrieq Futsal aċċertaw ruħhom minn post fl-Elite Round wara li għelbu lil Malta Veterans 12-1.

Iż-Żrieraq kienu dominanti tul il-logħba u kellhom lill-plejer ta’ esperjenza Boycho Marev li skorja erba’ gowls b’Jose Mario Mendes Fernandes jiskorja tlieta.

Kurt Darmanin kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Gabriel Ghigo, David de Ferreira Almeida u Armando Gjepali wkoll sabu x-xibka.

Kevin Agius skorja l-uniku gowl għall-Veterani.

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE

Luxol, Swieqi, Ta’ Xbiex 22, University of Malta 18, Żurrieq 15, St George’s 13, Marsaskala 9, Fgura 6, Malta U19 3, Malta Veterans 0

Sport