Saturday, November 23, 2024

Futsal: Luxol u l-Universitá ta’ Malta fl-ewwel post

Aqra wkoll

Luxol u l-Universitá ta’ Malta telgħu waħidhom fl-ewwel post tal-klassifika tal-Enemed Futsal League hekk kif kisbu rebħiet tajbin kontra l-avversarji rispettivi tagħhom.

Anke Valletta Futsal baqgħu jżommu l-pass ma’ ta’ fuq tant li issa laħqu lil Ta’ Xbiex fit-tieni post tal-klassifika filwaqt li waslet l-ewwel rebħa staġjonali għal St Georges li għelbu lil Marsaskala. Sadanittant Siġġiewi rreġistraw it-tieni rebħa staġjonali wara suċċess kontra Naxxar.

Iċ-champions Luxol kisbu l-ħames rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Mellieħa bl-iskor ta’ 6-1. Dawn tal-aħħar taw qalbhom tul din il-partita u żammew sod mal-avversarji ferm aktar ikkwotati minnhom.

It-tim minn St Andrews kellu lill-captain Mark Zammit li bħas-soltu kien protagonista bid-doppjetta tiegħu filwaqt li Carl Azzopardi, Nathan Cope, Everton Veve u Marwan Telisi komplew jiskorjaw għat-tim tagħhom.

Mellieħa naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Andrew Abela.

L-Universitá ta’ Malta komplew bit-triq tar-rebħ hekk kif għelbu lil Qormi bl-iskor kbir ta’ 12-2. Dawn tal-aħħar għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tagħhom matul dan l-istaġun.

L-iskorer prolifiku tal-Universita’ Jean Noel Azzopardi kien awtur ta’ ħames gowls b’Mohammed Elamari u Cleavon Portelli jiskorjaw doppjetta kull wieħed. Mill-banda l-oħra, Andrew Pace, Dylan Mintoff u Stefan Camilleri wkoll niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.

Valletta żammew il-pass mat-timijiet l-oħra u skorjaw ħmistax-il gowl kontra Żurrieq. Il-Beltin ħarġu ferm aggressivi sa mill-bidu bi Steven Camilleri li skorja poker u b’Aaron Montebello li kien awtur ta’ doppjetta personali. Min-naħa l-oħra, Zvezdan Vukovic, Karl Sciortino, Luke Gatt, Jovica Milijic, Michael Borg, Dylan Pace u tliet awtogowls għaqqdu l-iskor favur it-tim mill-kapitali.

Siġġiewi telgħu aktar ‘il fuq fil-klassifika meta għelbu lil Naxxar 4-0. Il-plejer Brażiljan Wallace Olivera skorja doppjetta filwaqt li Justin Theuma u Ryan Muscat aċċertaw mir-rebħa Siġġiwija.

St Georges kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fil-kampjonat wara li għelbu lil Marsaskala bl-iskor ta’ 7-4. Kienet logħba ferm sabiħa li kien fiha 11-il gowl biż-żewġ timijiet jagħtu qalbhom għar-rebħa finali. Fl-aħħar mill-aħħar kienu t-tim mill-Kottonera li daħak l-aħħar daħka u seta’ jiċċelebra l-ewwel punti tal-istaġun.

Herbert Spiteri skorja hat-trick filwaqt li sieħbu Eslam Khalifa wettaq doppjetta. Leon Camilleri u Matthew Scicluna kienu wkoll fost l-iskorers.

Marsaskala kieunu dejjem fil-logħba u skorjaw erba’ darbiet permezz ta’ doppjetti kull wieħed għal Gianluca Lo Giudice u Gildred Gatt.

KLASSIFIKA:

Luxol, L-Universita’ ta’ Malta 15, Ta’ Xbiex, Valletta 12, Mellieħa, Siġġiewi 6, Naxxar Lions, St Georges 3, Marsaskala, Żurrieq 1, Qormi 0

Sport