Thursday, June 18, 2026

Futsal Malta Association tapprova emendi statutorji u taħtar kumitat ġdid

Aqra wkoll

Il-Futsal Malta Association organizzat Laqgħa Ġenerali Straordinarja flimkien mal-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha, li matulhom ġew diskussi u approvati diversi emendi għall-istatut tal-assoċjazzjoni.

L-emendi, proposti mill-assoċjazzjoni, kienu mmirati biex isaħħu l-governanza tal-Futsal Malta Association u jagħmlu l-istatut aktar konformi mar-regolamenti tal-Malta Football Association (MFA) kif ukoll mar-rekwiżiti u l-linji gwida tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS).

Matul il-laqgħat ġie ppreżentat ir-rapport amministrattiv li ta rendikont tal-ħidma mwettqa matul l-aħħar sena, fejn ġew enfasizzati diversi inizjattivi u proġetti importanti li komplew isaħħu l-iżvilupp tal-futsal f’Malta. Ġie ppreżentat ukoll ir-rapport finanzjarju li kkonferma li l-assoċjazzjoni għalqet sena oħra b’suċċess finanzjarju.

Fl-aħħar indirizz tiegħu bħala President tal-Futsal Malta Association, il-Perit Mark Borg irringrazzja lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom matul is-snin li fihom kien imexxi l-assoċjazzjoni. Huwa semma diversi tragwardi importanti li ntlaħqu, fosthom it-twaqqif tal-kampjonat tan-nisa, l-introduzzjoni tal-Video Support għar-referees, kif ukoll l-ewwel passi lejn il-kisba ta’ premises ġodda b’kollaborazzjoni mal-MFA u l-Gvern Ċentrali.

Il-laqgħa ħatret ukoll Kumitat Eżekuttiv ġdid għall-perjodu 2026-2029 kompost minn:

• President – Nathaniel Jones

• Viċi President (Operations) – George Frendo

• Viċi President (Branding & Marketing) – Kurt Bonnici

• Segretarju Ġenerali – Andy Mangion

• Teżorier – Clayton Scicluna

Fl-ewwel indirizz tiegħu bħala President, is-Sur Nathaniel Jones irringrazzja lill-klabbs għall-fiduċja li wrew fih sabiex imexxi l-assoċjazzjoni matul is-snin li ġejjin. Huwa rringrazzja wkoll lill-membri tal-kumitat il-ġdid għall-impenn tagħhom lejn il-futur tal-futsal Malti.

Jones għamel ringrazzjament partikolari lill-Perit Mark Borg, lis-Sur Kurt Rizzo, lis-Sur Matthew Borg, lis-Sur Stefan Cutajar u lis-Sur Anthony Azzopardi għall-kontribut siewi tagħhom bħala membri tal-kumitat li ħareġ, filwaqt li awguralhom kull suċċess għall-futur.

Bil-ħatra tal-kumitat il-ġdid u bl-approvazzjoni tal-emendi statutorji, il-Futsal Malta Association issa tħares ’il quddiem lejn kapitlu ġdid fl-istorja tagħha, bil-għan li tkompli tibni fuq il-progress miksub u tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-futsal kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport