Thursday, June 18, 2026

Sliema W. se jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu sfidanti għall-unuri domestiċi kollha u jiksbu post fil-kompetizzjonijiet Ewropej – Branko Nisevic

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Wara ġimgħat ta’ spekulazzjoni dwar min se jmexxi lit-tim fl-istaġun li ġej, Sliema Wanderers ħabbru uffiċjalment il-ħatra ta’ Branko Nisevic bħala l-kowċ il-ġdid tal-klabb għall-istaġun 2026/27.

Nisevic se jkun qed jieħu post Pablo Doffo, li kien ingħaqad ma’ Sliema f’Jannar li għadda wara li nħatar kowċ tal-Blues sa tmiem l-istaġun.

Il-kumitat ta’ Sliema Wanderers esprima fiduċja kbira fl-esperjenza u l-viżjoni ta’ Nisevic, filwaqt li awguralu kull suċċess fit-tmexxija tat-tim hekk kif il-klabb qed iħares lejn staġun ieħor kompetittiv fil-Premier League.

Fl-aħħar tliet staġuni Nisevic kien il-kowċ ta’ Hibernians FC.

Dan is-sit tkellem ma’ Nisevic innifsu kemm rigward kif qed iħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħu bħala kowċ ta’ Sliema Wanderers, kif ukoll rigward l-esperjenza issa passata tiegħu ta’ tliet snin bħala kowċ ta’ Hibernians, fejn fost oħrajn mexxihom għar-rebħ tal-FA Trophy u s-Super Cup.

“Il-klabb ta’ Sliema Wanderers fih innifsu, billi huwa wieħed mill-klabbs storikament l-aktar imżejna bit-trofej f’Malta, se jagħmel l-almu tiegħu biex għal darb’oħra jkun sfidant għall-unuri domestiċi kollha u jikseb post fil-kompetizzjonijiet Ewropej.”

“B’konformità ma’ dan, kulħadd fil-klabb huwa ffukat fuq il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet fejn it-tim tagħna jkun jista’ jiffaċċja dawn l-isfidi. Qegħdin fil-proċess li nibnu mill-ġdid l-iskwadra u l-istaff tekniku, sabiex insiru aktar kompetittivi fil-kompetizzjonijiet kollha.”

“L-aħħar tliet staġuni laħqu d-disa’ snin ta’ futbol tiegħi ma’ Hibernians. Jiena grat lejn kulħadd fil-klabb, speċjalment il-president Ranier Bezzina u t-team manager Jesmond Abela li tawni appoġġ sħiħ matul dawn it-tliet snin. U l-unuri li ksibna flimkien huma biss wieħed mill-indikaturi tal-koperazzjoni produttiva tagħna.”

“Niġi lura għal Sliema … wara r-relegazzjoni u l-promozzjoni immedjata, Sliema wettqu rimonta mill-aqwa, u għalkemm l-istaġun li għadda kien wieħed diżappuntanti, il-potenzjal u l-ambizzjoni fil-klabb huma evidenti. Irridu naħdmu flimkien bl-aħjar mod possibbli, għax dan il-klabb jistħoqqlu dan.”

“Bħalissa ma nistgħux inwiegħdu r-rebħ tal-unuri immedjatament, imma se nassiguraw li kull darba li nidħlu fil-grawnd nagħtu l-aħjar tagħna għall-flokk li nilbsu. Jista’ jkollna ġurnata tajba jew ħażina, imma se niżguraw li kull partita li nilagħbu ġġorr l-importanza ta’ finali. Nittamaw li li l-partitarji tagħna dejjem ikunu magħna u jagħtuna dik l-ispinta żejda meta s-sitwazzjoni ssir diffiċli. Flimkien biss nistgħu nilħqu l-għanijiet tagħna!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport