Żabbar St Patrick komplew juru l-konsistenza fil-Fuel 10K Under 16 Futsal League meta ddominaw il-konfront li kellhom kontra Pembroke Athleta tant li rebħulhom 11-0.
Iż-Żabbarin stabilixxew vantaġġ ta’ 3-0 sa tmiem l-ewwel taqsima sabiex fit-tieni perjodu tal-logħba ħarġu aggressivi tant li skorjaw tmien gowls oħra.
Kassem Al Swileh skorja tliet gowls filwaqt li Jake Pullicino kien awtur ta’ doppjetta personali. Luca Zerafa, Luca Borg, Dejan Camilleri, Mikhael Micallef, Iker Zerafa u Andy Abdilla kellhom iċ-ċans iniżżlu isimhom fost l-iskorers.
F’logħba minn sezzjoni A li rriżultat f’waħda ferm bilanċjata, Naxxar Lions u Floriana spiċċaw fi draw ta’ 2-2.
Wara li l-Greens marru minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima, in-Naxxarin ħarġu tajjeb u ġabu d-draw għal darba darbtejn.
Zac Portelli poġġa lil Floriana minn fuq sabiex Eric Briffa ġab l-iskor indaqs għal Naxxar. Jamie Lewis reġa’ skorja għal Floriana iżda Kraig Borg ta punt lil Naxxar.
Illum ikompli l-Fuel 10 K Under 16 Futsal League meta fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, fil-4:45pm Sliema Wanderers jilagħbu kontra San Ġwann filwaqt li fis-6pm Luqa St Andrew’s jaffrontaw lil Birżebbuġa Windmills.