University of Malta ACJ Group temmew l-ewwel round tal-Enemed Futsal League b’punti massimi meta f’logħba ferm emozzjonanti għelbu liċ-champions Luxol St Andrew’s bl-iskor ta’ 2-1.
L-Universitarji kienu f’vena mill-aqwa tul il-logħba kollha b’Luxol li kellhom diversi plejers neqsin li xi kultant bdew jinqabdu bil-kontrattakki tal-avversarji.
L-Universita’ marru minn fuq meta kien Melvin Borg li rċieva tajjeb mingħand Guillherme Fonseca u b’xutt b’saħħtu fil-baxx għeleb lil Clint Mifsud.
Luxol ġabu l-iskor indaqs meta kien Andre Ciancio kien wiċċ imb’wiċċ mal-keeper Ryan Scerri sabiex mattar siequ bil-ballun jispiċċa ġewwa.
Fit-tieni taqsima, il-logħba baqgħet iżżomm l-intensita’ tagħha bl-Universitarji li skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa meta kien Guillherme Fonseca li ħa ballun u avvanza tajjeb sabiex fajjar xutt b’saħħtu li għadda minn taħt Mifsud.
B’hekk University of Malta ACJ Group temmew l-ewwel fażi ta’ dan il-kampjonat b’punti massimi minn għaxar logħbiet b’Luxol li sofrew l-ewwel telfa staġjonali.
Referees kienu Andrea Naudi u Arlind Subashi.
KLASSIFIKA WARA TMIEM L-EWWEL ROUND
University of Malta ACJ Group 30, Luxol St Andrew’s, ŻRQ Bormla 25, Swieqi United FC Futsal 21, Birżebbuġa St Peter’s 18, Ta’ Xbiex Futsal Izola Bank 12, Selezzjoni Maltija U19 , Marsaskala Futsal 10, Selezzjoni Maltija U18 3, Gżira United Santa Margherita 3, Sliema Wanderers FC Futsal 2.
Sadanittant intlagħab ir-round preliminari tal-E & L Futsal Trophy fejn tliet timijiet kisbu post f’fażi oħra ta’ din il-kompetizzjoni.
L-ikbar rebħa kisbuha s-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena meta għelbu lil Sliema Wanderers 10-5.
Mason Agius, Nathan David Balzan u Jamie Sultana skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Collin Sammut, Miguel Camilleri, Alex Sheldon Bellizzi u awtogowl għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.
Is-Slimiżi baqgħu fil-logħba bi tripletta ta’ Kevin Sammut u doppjetta ta’ Juan Poveda Morales.
Referees kienu Andrea Naudi u Clinton Cassar.
Birżebbuġa St Peter’s għelbu lil Gżira United Santa Margerita bl-iskor ta’ 4-1.
Hamza Harrat, Armando Gjepali, Daniel Abdilla u awtogowl kienu l-awturi tal-gowls għat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta bi Christian Cutajar li naqqas il-marġni tal-iskor għall-Gżirjani.
Referees kienu Danilo Francalanza u Sillah Alhasana.
ŻRQ Bormla rebħu l-isfida iebsa li offrewlhom Marsaskala Futsal għalkemm l-iskor finali kien dak ta’ 6-1.
Italo Jose dos Santos skorja tripletta b’Dylan Musu jżid tnejn oħra għall-Bormliżi u bi Chris Cardona li jissiġġilla l-iskor finali għat-tim tiegħu.
Craig Pickard skorja l-uniku gowl għall-Iskalin.
Referees kienu Stephen Vella u Arlind Subashi.